Il-Futur tat-Tfal

Kultant nistaqsi lili nnifsi: x’irrid għall-futur ta’ wliedi?

Irridhom jagħmlu suċċess, għalkemm naf li fid-dinja se jkollhom sehem mis-sabiħ u mill-ikraħ ukoll. Hekk hi l-ħajja.

Madankollu, bħal ħafna ġenituri oħra, nixtieq li t-tfal jikbru b’saħħithom, ikunu soċjevoli, jitgħallmu l-iskola, ikunu bieżla fix-xogħol, jibnu l-bejta tagħhom, u jgħixu ħajja twila u ferħana.

Dawn il-ħwejjeġ huma kollha sbieħ imma m’humiex biżżejjed. Jien irrid li aktar mit-tagħlim akkademiku, uliedi jitgħallmu u jemmnu l-evanġelju. Irridhom li jinġiebu ma' ħaddieħor u jkunu ġenerużi, imma nixtieq fuq kollox li jkollhom relazzjoni ta’ ħbiberija m’Alla. Aktar mill-pjaċiri li toffri d-dinja, nixtieq li qalbhom timtela bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Nixtieqhom jgħixu ħajja twila, imma aktar minn hekk, li jgawdu l-ħajja eterna permezz ta’ Ġesù Kristu.

Dan huwa s-suċċess li nixtieqilhom, suċċess li jiena b’ħilti ma nistax nagħtihulhom. Għalhekk irrid nimpenja ruħi biex nitlob aktar għalihom. Irrid inkun mudell tal-fidi u l-imħaba biex fija jaraw lil Kristu. Irrid ngħallimhom l-Iskrittura Mqaddsa biex biha jisimgħu ‘l Alla jkellimhom.

Mulej Alla, nirringrazzjak għal uliedi, don imprezzabbli mis-sema; illum jien u marti nerġgħu noffruhomlok sabiex huma jsebbħu ‘l ismek qaddis, u fik isibu il-milja tal-ferħ.

* * *
Nappella lill-missirijiet u l-ommijiet sabiex tinkludu t-talb u l-qari tal-Iskrittura fit-trobbija ta' wliedkom. Nistedinkom ukoll iġġibu t-tfal is-Sunday School il-Ħadd filgħodu. It-tfal jieħdu gost flimkien waqt li jitgħallmu dwar Ġesù. [Link]