Fi Ħdan il-Missier



Sabiħa wisq ir-rabta tal-missier ma' wliedu!

Sfortunatament mhux kulħadd kellu x-xorti li jitrabba fl-għożża ta' missieru. Forsi minħabba mewt jew separazzjoni, jew attitudni goffa u ħarxa tal-missier, jew għax il-missier twarrab mill-ħajja ta' wliedu għax kellu ħwejjeġ aktar "importanti" x'jagħmel.

Madankollu kulħadd jista' jgawdi minn imħabba paterna li tisboq bil-wisq kull relazzjoni umana ... għax kull wieħed u waħda minna nistgħu mmorru għall-wens t'Alla l-Missier! “Lil dawk li laqgħu (lil Ġesù) tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f'ismu” (Ġwanni 1:12). Dawk kollha li jemmnu fi Kristu huma wlied addottivi t’Alla, u jistgħu jsejjħulu, "Abba, Missier." (Galatin 4:6).

Darba t-tifel qam imwerwer bil-lejl jgħajjatli. Sibtu fil-kamra tiegħu bilqiegħda fis-sodda. "Papà," qalli imbikkem, "kelli ħolma kerha."

"Trid tgħidli x'kienet il-ħolma jew trid tinsieha?" staqsejtu.

"Irrid ninsieha," weġibni.

"Ftakar. John. li dik kienet ħolma, mhux ta' veru. Issa hawn il-papà ħdejk." Għannaqna lil xulxin, u ftit minuti wara reġa' raqad.

Aħna lkoll fil-ħolm ikraħ tal-ħajja nistgħu nsejjħu lil Missierna fis-smewwiet - meta nkunu għaddejjin minn inkwiet, tbatija jew mard, u meta t-toqol tal-ħtija jagħfas wisq fuqna - u qalbna tistrieħ bil-kelma ħelwa tiegħu ta' maħfra u fejqan, u bit-tgħanniqa tal-imħabba ħelwa tiegħu.