Xbihat ta’ Kristu


Xi ngħidu dwar ix-xbihat ta’ Kristu: l-istatwi, il-pitturi li naraw fil-knejjes u s-santi? Apparti l-valur artistiku tagħhom, ejja ngħidulha kif inhi: dawn huma biss frott l-immaġinazzjoni tal-artisti u l-iskulturi, u m’humiex xbihat vera tal-Mulej.

X’tgħallem l-Iskrittura dwar hekk? Aħna nemmnu li l-Iben etern t’Alla sar tassew bniedem. In-nies ta’ żmienu rawh, messewh u tkellmu miegħu. Aħna m’għandniex dan il-privileġġ.

L-Iskrittura tagħtina ħjiel dwar id-dehra tal-Messija: “Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih” (Isaija 53:2). Il-glorja ta’ Kristu ma kienitx fid-dehra fiżika tiegħu. Mhux biss, waqt il-passjoni, in-nies indehxu minnu għax wiċċu kien hemm imħassar li lanqas kien donnu ta’ bniedem (Isaija 52:14). Ġesù għadda minn din il-ħruxija biex jikseb il-fidwa tal-knisja tiegħu.

Mhux ta’ b’xejn li l-knisja tgħożż il-Maħbub tagħha, u tgħix bit-tama tad-dehra tiegħu. Imma għalissa jeħtieġ tistenna. L-Appostlu Pietru kiteb lill-Insara: “Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m'intomx tarawh, intom temmnu, fih intom tifirħu b'ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser” (1 Pietru 1:8). L-Insara jifirħu fi Kristu issa, u jifirħu wisq aktar meta jiltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ. Sadanittant “aħna nimxu bil-fidi, mhux bil-viżjoni” (2 Korintin 5:7).

Imma xi ħadd joġġezzjona: “Ngħid għalija jien ma nara xejn ħażin fix-xbihat ta’ Ġesù. Jien inħoss li jgħallmuni u jgħinuni biex nagħtih qima.”

Aħseb sew, ħabib, x’inti tgħid. Kif ma ssib xejn ħażin fi xbieha falza ta’ Kristu? X’inhuma jgħallmuk ħlief gideb? Kif tista’ tagħti qima vera permezz ta’ xbieha taparsi? Għaliex twarrab il-Kelma t’Alla meta qalilna li “issa m’intomx tarawh”? Għaliex tinsisti li trid tarah issa, anki jekk b’immaġini falza tiegħu?

Minn qalbi nappella lil dawk kollha li għandhom xewqa lejn Kristu: ejjew b’indiema nwarrbu l-frugħat tal-istatwi u l-pitturi, u nduru lejn l-Kelma t’Alla biex nagħrfuh kif tassew hu. Ejja ta’ kuljum naqraw l-Iskrittura Mqaddsa għax hi tagħti xhieda tiegħu. Permezz tal-Iskrittura l-Ispirtu s-Santu jurina l-glorja ta’ Kristu u b’hekk nikbru fil-grazzja u l-għarfien tiegħu, waqt li nistennew id-dehra glorjuża tiegħu.