Skeletri, Fatati u Sħaħar


Halloween! Min jogħġbu u min le; min ma jara xejn ħażin fih u min ma jara xejn ħlief ħażin! Imma x'nistgħu nitgħallmu minn din il-festa?

Halloween

L-isem ġej minn hallow (saints) u een (eve); lejlet il-festa tal-qaddisin kollha, li fit-tradizzjoni Kattolika taħbat fl-1 ta’ Novembru. Fi żmienna post il-qaddisin ħaduh l-iħirsa, is-sħaħar u kull ħaġa makabra oħra.

Qtates Suwed, Brimb u Friefet il-Lejl

Dawn huma ħlejjaq meraviljużi t’Alla; is-superstizzjoni biss tibdilhom f’annimali tal-biża’ jew xorti ħażina.

Qargħa Ħamra

Sors ta' vitamina A, potassium u fibra. Tajba immens għas-soppa (anki għat-trabi), jew għal xi torta bħalma kienet tagħmel ommi.

Il-Ħelu (tat-Trick or Treat)

Tajjeb, m’hemmx x’tgħid, u mhux it-tfal biss iħobbuh! Aktar minn 25g zokkor kuljum jagħmel ħsara għas-saħħa u jwassal għat-taħsir fis-snien. Moderazzjoni!

Iħirsa

Mal-mewt l-ispirtu tal-bniedem imur lura lejn Alla, u l-ġisem jirritorna lejn l-art. L-erwieħ tal-mejtin qaddisa qegħdin mal-Mulej, u l-erwieħ tal-ħżiena qegħdin fl-infern. L-erwieħ m’humiex iħufu magħna fid-dinja.

Sħaħar

Is-sħaħar (u fortune tellers u mediums) jippretendu li jaqraw ix-xorti, li għandhom qawwiet maġiċi, u li jagħmlu kuntatt mal-mejtin. Bil-qerq tagħhom irrovinaw il-ħajja ta’ tant nies li jikkonsultaw magħhom. Il-Bibbja twissina biex naħarbuhom (Levitiku 19:31; Isaija 8:19-20).

Ix-Xitan u d-Demonji

Ix-xitan hu anġlu li rribella kontra l-Ħallieq, u miegħu waqgħu kotra ta’ anġli, li saru demonji. Ix-xitan hu malinn u brikkun – ma jidhirx bil-qrun u denbu twil – imma jidher sabiħ, bħala anġlu tad-dawl, u jqarraq b’tant nies billi jżommhom 'il bogħod mill-verità tal-evanġelju permezz ta’ reliġjonijiet foloz.

Għadam, Twiebet u Oqbra

Ifakkruna fir-realtà kerha tal-mewt. Alla ta l-ħajja lill-bniedem. Bid-dnub ġibna fuqna l-mewt. Il-Mulej Ġesù patta għad-dnub bis-salib u rebaħ fuq il-mewt. Fl-aħħar jum Ġesù se jqajjem il-bnedmin kollha; lil dawk li jkunu għamlu t-tajjeb jitqajjmu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin għall-kundanna fl-infern.

Dlam

Id-dlam huwa n-nuqqas tad-dawl, u jissimbolizza l-errur u l-ħażen. Ġesù biss jista’ jeħlisna minnu. Hu jistedinna: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġwanni 8:12).