X'tixtieq: il-paċi m'Alla jew il-flus u s-saħħa?


1.

Jekk tixtieq il-flus u s-saħħa aktar mill-paċi m’Alla, aħseb ftit fuq l-għażla tiegħek. Għaliex trid dawn il-ħwejjeġ? Forsi timmaġina li aktar ma jkollok ġid materjali aktar se tkun ferħan? Jew taħseb li tista’ tkun hieni biss meta tkun b’saħħtek? Hemm minn għandu flus aktar milli jesa’ ġildu, u għandu saħħa biex ibiegħ, u xorta waħda huwa indannat. Ġesù wissiena li “imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu” (Luqa 12:15). Ħabib, inti tixtieq il-ferħ, imma qed tfittxu f’post żbaljat. Qed tiġri wara r-riħ. Il-pjaċiri ta’ din id-dinja huma għal mument biss. Qalbek mhux se ssib mistrieħ jekk mhux fil-Ħallieq tiegħek.

2.

Jekk tixtieq il-paċi m’Alla, imma s’issa għadek miksur miegħu, agħmel kuraġġ! Tassew, dnubietek joffendu lil Alla li ħalqek u qed iżommok ħaj. Dnubietek jifirduk minnu. Madankollu l-Mulej Ġesù kien mibgħut apposta għalhekk; ġie biex iħabbeb il-midneb m’Alla. Bil-mewt fuq is-salib u l-qawmien tiegħu, Ġesù jneħħi minn nofs id-dnubiet ta’ dawk kollha li jafdaw fih. Ħalli f’idejh. Emmen fih. Għax l-Iskrittura tgħid, “Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma' Alla, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu” (Rumani 5:1). Alla jgħodd bħala ġusti u jaħfer lil dawk kollha li għandhom fidi f’Ġesù. Alla jeħlishom minn kull kastig. Alla jilqagħhom fi ħdanu. Ħabib, is-sliem m’Alla issibu biss permezz tal-Mulej Ġesù.

3.

Jekk diġa’ tġawdi s-sliem m’Alla permezz ta’ Kristu, inti taf mill-esperjenza li m’hemm xejn oħla minn hekk. Forsi inti sinjur jew fqir, b’saħħtek jew marid, magħruf jew minsi minn kulħadd. Hu x’inhu, l-aqwa li Alla hu Missierek. Qalbek ma tixtieq xejn minn din id-dinja għajr lilu, u t-tama tiegħek għall-futur hi biss li tkun ħdejh biex tgawdih u tadurah għal dejjem. “Lil min għandi fis-sema ħliefek? U meta għandi lilek, x'jonqosni fuq l-art?” (Salm 73:5).