Ippruvaw u araw kemm hu tajjeb il-Mulej


"Ippruvaw u araw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih" (Salm 34:8).

F’dan is-salm, bħal fis-salmi l-oħra, u fil-fatt fil-Bibbja kollha, għandna deskrizzjoni tat-tjieba tal-Mulej. Mill-Iskrittura nitgħallmu dwar Alla, il-grazzja, il-ħniena u l-imħabba ħelwa tiegħu; u fuq kollox nitgħallmu dwar Ġesù Kristu, l-esebizzjoni tal-qalb tajba t'Alla.

Imma fl-aħħar mill-aħħar, dan it-tagħrif jibqa’ astratt, teoretiku u inutli, jekk ma nesperjenzawhx personalment.

Jekk nistaqsi lil marti kif ġie l-ikel, hi tista’ tiddeskrivili t-tomgħa, l-kulur u t-texture tiegħu; imma jkun aħjar jekk tgħidli, ‘Hawn ħa, duqu!’ L-istess jagħmel is-salmista. Ippruvaw, jgħidilna, duqu u araw kemm hu tajjeb il-Mulej. Jien ukoll irrid intenni din l-istedina.

Jekk il-kuxjenza tiegħek hija imtaqqla bil-ħtija tad-dnub, ejja għandu bil-fidi, duq u ara kemm hu tajjeb il-Mulej. Alla jaħfirlek fuq il-merti tas-salib ta’ Ibnu Ġesù. Alla jagħtik il-libertà u għanja ġdida ta' ferħ fuq fommok.

Jekk bħall-iben il-ħali, inti tbegħidt minn dar Missierek, u llum tirrealiżża li d-dinja toffri biss frugħa, u qalbek vojta tixxennaq għall-imħabba ġenwina; ejja lura, duq u ara kemm hu tajjeb il-Mulej. Hu jilqgħek lura fi ħdanu u jgħannqek miegħu.

Jekk tħossok taqta’ qalbek, jekk tħossok waħdek, jekk tħossok beżgħan, jekk qalbek mdallmna bin-niket; ejja għandu, duq u ara kemm hu tajjeb il-Mulej. Hu jkun it-tama tiegħek; hu jkun miegħek kulfejn tmur u ma jitilqek qatt; hu jsir il-qawwa u l-kuraġġ tiegħek; hu jkun id-dawl u l-ferħ ta’ ħajtek.

Iva, ħabib, ipprova u ara kemm hu tajjeb il-Mulej. Hieni inti meta tistkenn fih!