Ħtija Tiegħi


Nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet dwar l-att penitenżjali tal-bidu tal-quddiesa, meta s-saċerdot jitlob flimkien mal-poplu:

“Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil, u billi ħallejt dmirijieti; ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u ‘l-Qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.”

1.

Huwa sewwa li nammettu m’Alla li dnibna kontrih. Dan huwa l-ewwel pass li jwassalna għar-rikonċiljazzjoni, kif tgħallem l-Iskrittura: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqla' l-ħniena” (Pro. 28:13).

Naturalment kulħadd jista’ jirrepeti din it-talba b’ilsienu, u saħansitra jħabbat fuq sidru, imma b’daqshekk ma jfissirx li jkun tassew niedem. Jista’ jkun hemm baħar jaqsam bejn il-kliem u l-qalb. Alla mhux impressjonat bil-formalità, imma qalb sobgħiena u maqsuma, żgur ma jwarrabhiex.

2.

Interessanti kif, wara l-istaqarrija ta’ dnubietu, f’din it-talba l-penitent idawwar ħarstu minn Alla u jappella lil Marija, l-anġli, il-qaddisin fis-sema u fl-art, biex jitolbu lil Mulej għalih. M’hemm xejn ħażin tistaqsi lil ħaddieħor jitlob għalik (almenu sakemm dak li jkun jista’ jisimgħek). Imma ċertament dan mhux biżżejjed. Jeħtieġ li l-midneb jitlob hu lil Alla.

Ladarba l-ħtija hi tiegħu, il-penitent għandu jitlob hu ħniena ‘l Alla. Jitlob kemm jitlob ħaddieħor għalih, fl-aħħar mill-aħħar hu biss u ħadd ħliefu, ma jista’ jindem u jappella lil Mulej jaħfirlu.

Mhux biss. Hu jeħtieġ idur lejn Alla. Mhux lejn Marija. Mhux lejn l-anġli. Mhux lejn il-qaddisin. Mhux lejn l-aħwa Nsara. Lejh, għax ’l Alla offenda bi dnubietu, u l-liġi tiegħu kiser. Fl-istess ħin il-midneb jagħmel il-qalb u jdur lejh għax Alla għandu qalbu tajba u ħanina, u infatti Alla stess jistiednu jmur għandu għall-maħfra ...

“Ħalli l-ħażin jitlaq triqtu, u r-raġel tal-ħażen ħsibijietu: u ħa jerġa’ lejn il-Mulej, u hu jħenn għalih; u lejn Alla tagħna, għax hu mimli bil-maħfra” (Isaija 55:7).

Alla Jħenn Għalik

Jekk illum b’onestà tammetti quddiem Alla, ‘Mulej, jien ksirt il-Liġi tiegħek. Jien ħati u ħaqqni l-kundanna,’ kun af, ħabib, li Alla hu diġa’ dispost li jaħfirlek. Is-salib ta’ Ibnu hu l-prova tal-imħabba t’Alla. Dur mela lejh bil-fidi, itolbu jkollu ħniena minnek, u żgur li jaħfirlek u jilqed fi ħdanu.