Il-Ħaddiem Kristjan

 

In-Nisrani jagħraf li Alla għamlu ħaddiem. Fix-xogħol tiegħu, in-Nisrani jfittex li jigglorifika lil Sidu, jagħti servizz tajjeb lil ħaddieħor, u jaf igawdi frott ħidmietu.

1. Jaqdi lis-Sid Ġesù

“Kulma tagħmlu, agħmluh bil-qalb, qisu lill-Mulej u mhux lill-bnedmin billi tafu li mingħand il-Mulej tieħdu l-ħlas tal-wirt, għax intom taqdu ’l Sidna Kristu” (Kolossin 3:23-24).

Kemm jekk jaħdem għal rasu, iħaddem jew impjegat, il-Kristjan iqis lil Ġesù bħala Sidu. Il-Kristjan huwa impjegat tal-Mulej u għalhekk jaħdem bil-qalb biex jogħġob lilu. B'dan il-mottiv hekk għoli l-ħaddiem Kristjan jagħti servizz ġenwin lil ħaddieħor.

2. Jaħdem b'onestà

“Min seraq ħa ma jisraqx aktar imma ħa jitħabat, billi jaħdem b’idejh stess il-ħaġa tajba, biex ikollu x’jagħti lil min hu fil-bżonn” (Efesin 4:28).

Mhux talli ma jibqax ħsiebu kif ipappieha minn fuq dahar ħaddieħor, jew kif se jakkwista aktar bis-serq u diżonestà, anżi l-Kristjan jaħdem biex jaqla x’jiekol hu, jipprovdi għall-familja tiegħu, u biex ikun ġeneruż ma’ ħaddieħor.

3. Jaf ikun kuntent

“Qisu li ħajjitkom tkun bla regħba u kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax hu qal: Ma nħallik qatt, u lanqas nitilqek” (Lhud 13:5).

Hawn min għandu bil-wisq aktar milli jeħtieġ u xorta waħda mhux kuntent. Il-regħba, dik il-kilba għal aktar u aktar, tisvojta l-qalb mill-kuntentizza. Il-Kristjan jikseb sodisfazzjon ġenwin minn ħidmietu, jaf jistinka u jaf jistrieħ, u jaf igawdi ftott ħidmietu. Il-preżenza tal-Mulej f’ħajtu tagħmel id-differenza kollha. 

* * *

Nistiednek tisma’ dan il-messaġġ fuq YouTube: