Il-Qrar


X’kienet tkun tiswa għalina l-maħfra li l-Mulej Ġesù kiseb b’mewtu kieku l-ġrajja tas-salib baqgħet mistura? Għalhekk, meta deher lid-dixxipli wara l-qawmien, Ġesù afda f’idejhom il-missjoni biex, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, iwasslu l-ħniena t’Alla lid-dinja. Qalilhom: “Lil min taħfru d-dnubiet, jinħafrulhom, u lil min iżżommuhom, jinżammu” (Ġwanni 20:23).

Il-Mulej, li waħdu jista’ jaħfer id-dnub, ta lid-dixxipli l-inkarigu biex jaħfru! Imma kif? X’kien ir-rwol tal-appostli u d-dixxipli f’din il-missjoni? It-tweġiba korretta ma nsibuhiex fl-opinjoni umana jew it-tradizzjoni, imma fil-Kelma t’Alla. L-istess Skrittura li tgħallimna li l-appostli kienu jafħru d-dnubiet, tgħidilna wkoll kif kienu jagħmlu dan.

L-evanġelju skont San Luqa wkoll isemmi l-missjoni li Ġesù ħalla f’idejn l-appostli, imma jżid jgħidilna kif kellhom jaħfru. “Hekk hu miktub, u hekk kien jinħtieġ illi Kristu jbati, u li jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u li l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu fost il-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalem. U intom xhud ta’ dawn il-ħwejjeġ” (Luqa 24:46-48). Mela l-Appostli xandru l-indiema u l-maħfra f’isem Kristu, u tant nies kisbu l-ħelsien minn ħtijiethom meta laqgħu l-Kelma.

L-Atti tal-Appostli jikkonferma dan il-fatt. Pietru prietka li “dawk kollha li jemmnu fih jaqilghu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu” (Atti 10:43). L-appostlu Pawlu jesprimi l-istess konvinzjoni. “Permezz ta’ dan il-bniedem, il-maħfra tad-dnubiet hi mxandra lilkom, u bih dawk kollha li jemmnu huma ġġustifikati” (Atti 13:38-39).

L-appostli ħafru billi xandru l-evanġelju. Lil dawk li ma emmnux, l-appostli wissewhom li għadhom mitlufin, imma lil dawk li emmnu, assigurawhom li huma tassew maħfura. L-Appostlu Ġwanni jgħidilhom, “dnubietkom huma maħfura minħabba ismu” (1 Ġwanni 2:12).

Forsi wieħed iwieġeb, ‘Tassew, Alla jaħfer il-bniedem meta jisma’ l-evanġelju u jemmen fi Kristu. Imma xi ngħidu għad-dnubiet li jagħmel wara l-konverżjoni? Ma kellhomx ukoll ir-rwol l-appostli li jisimgħu l-qrariet tal-Insara, jagħtuhom l-assuluzzjoni u penitenza bi tpattija?”

Għal darb’ oħra tajjeb infittxu fil-paġni tat-Testment il-Ġdid it-tweġiba korretta. Imkien ma naqraw li l-appostli pprattikaw il-qrar, jew għallmu lill-Insara biex imorru jqerru għandhom jew għand xi saċerdot. Lanqas insibu l-appostli jagħtu l-assoluzzjoni jew penitenza.

Ma jfissirx li l-Insara ma kinux iqerru. Apparti li kienu jammettu ma xulxin ħtijiethom, u jaħfru wieħed lill-ieħor (Ġakbu 5:16; Efesin 4:32), l-Insara appellaw direttament lil Alla l-Missier għall-maħfra tiegħu. Hekk għallimhom l-Mulej Ġesù meta qalilhom jitolbu: “Missierna li inti fis-smewwiet ... aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mattew 6:9-12). Alla li jaf kollox, saħansitra l-qalb tal-bniedem, żgur jisma’ t-talb ta’ wliedu u jaħfrilhom.

X’se tkun l-għażla tiegħek? Tista’ tfittex il-maħfra billi tqerr għand saċerdot u tagħmel il-penitenzi, avolja din il-prattika mhix mgħallma fl-Iskrittura. Jew inkella, tista’ tobdi l-Kelma t’Alla, tindem u temmen fi Kristu biex issib il-paċi m’Alla. Imbagħad, matul il-mixja tiegħek bħala dixxiplu, fittex ta’ kuljum il-maħfra tal-Missier fit-talb. Fost l-għażliet kollha li se tagħmel f’ħajtek, din hi waħda mill-kbar nett.

Aktar tagħrif

Aqra l-kapitlu "Dnubietek Maħfura" fil-ktieb "Fuqhom Żernaq id-Dawl" - Download