L-Aħħar Talba


Żewġt irġiel kienu għexu ħajja mill-agħar. Issa kienu waslu fi tmiem ħajjithom. Ftit ħin ieħor u kienu se jidhru quddiem Alla għall-ġudizzju.

Din kienet l-aħħar opportunità għalihom biex ikellmu lil Ġesù u jitolbuh kulma jixtiequ.

L-ewwel wieħed ma kellu ebda rimors għall-ħażen li kien għamel. Kien dispjaċut biss li ħajtu kienet waslet fit-tmiem. Ma kellu ebda interess f'Ġesù imma talbu biex jeħilsu mill-mewt. Ried biss jerġa lura għall-ħajja ta’ qabel u jkompli jgawdi l-pjaċiri tad-dinja.

Ġesù ma wiġbux. Ir-raġel miet u ntilef.

It-tieni wieħed, konxju ta’ ħtijietu u l-periklu li kien fih, inħakem mill-biża t'Alla. Emmen li Ġesù hu l-Messija, is-Sultan li se jirrenja għal dejjem. Għalkemm in-nies madwara ċaħduh u għajjruh, hu ried li jkun ma' Ġesù.  Talbu jiftakar fih.

Ġesù semgħu. Illum qiegħed il-ġenna jgawdi s-Sultan.

Din hi l-istorja taż-żewġ ħallelin li kienu msallbin ħdejn Ġesù. Din hi l-istorja tiegħi u tiegħek. Għax aħna wkoll dnibna kontra Alla. Aħna wkoll qegħdin fuq l-għatba tal-eternità. Aħna wkoll irridu nagħżlu bejn il-dnub u l-indiema; u bejn il-pjaċiri tad-dinja u l-Mulej Ġesù.

X’se tkun l-għażla tiegħek? X’se titolbu lil Ġesù llum?