Min hu l-Avukat Tiegħek?


Kitibli ħabib tiegħi u qalli li hi ħaġa sabiħa titlob l-interċessjoni tal-Madonna. M’hemm xejn ħażin, kompla jgħidli, għax bħal ma ngħidu fis-Salve Reġina, aħna lill-Madonna nsejħulha ‘Avukata tagħna,’ u allura hi tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna quddiem il-Missier.

Nixtieq naqsam magħkom it-tweġiba tiegħi għax dan huwa suġġett li għandu jinteressa lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom it-tagħlim Nisrani. Jien ktibt hekk ...

Il-kumment tiegħek ġegħlni naħseb. Naqbel miegħek li jekk Marija hi ‘l-Avukata tagħna l-midinbin,’ allura jkun sewwa nitolbu l-interċessjoni tagħha quddiem il-Missier. Fl-istess ħin tajjeb nistaqsu x’tgħallem l-Iskrittura fuq hekk. Jiġini f’moħħi dak li qal l-Appostlu Ġwanni:

“Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġwanni 2:1-2).

Ġesù huwa d-Difensur, jew kif jittraduċi l-istess kelma l-Professur Pietru Pawl Saydon, Ġesù huwa l-Avukat tagħna.L-Iskrittura tgħidilna wkoll kif dan l-Avukat jiddefeni d-dixxipli tiegħu quddiem Alla. Jiddefendihom mhux għax huma innoċenti, imma għax hu stess ħallas għal dnubiethom!

Jekk dan hu minnu, u jekk Kristu jagħmel xogħlu sewwa, għaliex hemm bżonn ta’ Avukat ieħor? Mhux biżżejjed Ġesù Kristu?  U jekk Marija hija Avukat ukoll, fuq liema bażi tiddefendi lil dawk li jfittxu l-interċessjoni tagħha? Fuq il-merti tagħha?

Imma ladarba l-ministeru ta’ Kristu japplika għad-‘dinja kollha’, allura Marija wkoll kienet mifdija bil-merti ta’ Kristu. Ġesù hu l-Avukat tagħha. Marija llum tinsab il-Ġenna tgawdi ’l Alla; dan hu xhieda tal-perfezzjoni tal-Feddej u l-interċessjoni effettiva tiegħu. Jekk irridu mmorru l-Ġenna, bħal Marija jeħtieġ nirrikorru għand l-istess Avukat.

Skont l-Iskrittura Ġesù Kristu huwa l-Avukat. L-Iskrittura mkien ma ssejjaħ lil Marija l-Avukata tagħna. Għaldaqstant lil min se nemmnu? Fuq xiex se nibbażaw il-fidi tagħna u s-salvazzjoni ta’ ruħna – fuq talba ivvintata mill-bniedem jew fuq il-Kelma t’Alla?
  • Permezz ta’ min se mmorru għand il-Missier (Ġwanni 14:6)?
  • Min hu l-Medjatur tagħna (1 Timotju 2:5)?
  • Liema isem se nsejjaħ għas-salvazzjoni (Atti 4:12)?