Jitqaddes Ismek


Id-dagħa huwa minsuġ fid-diskors ta’ tant minn ħutna Maltin. Jiddispjaċini nisma’ rġiel, nisa u żgħażagħ jidgħu b’Alla, bi Kristu u b’kull ħaġa oħra meqjusa sagra. Din hi sitwazzjoni serja u tal-biża. Fl-Għaxar Kmandamenti Alla jwissina:

La ssemmix isem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal
għax il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isemmi ismu fil-batal
(Esodu 20:7).

Bid-dagħa tagħna aħna l-Maltin qed nipprovokaw u nisfidaw 'l Alla li ħalaqna!

Ħalli ma naħsbux li dan il-kmandament niksruh biss bid-dagħa sfaċċat. Alla jwissina biex ma nsemmux ismu ‘fil-batal’ – fil-vojt, b’mod frivolu, għal xejn b’xejn. Kemm-il darba nsemmu isem Ġesù fil-vojt jew nużaw espressjoni ‘OMG’ biex nesprimi sorpriża jew stagħġib. Dan ukoll hu kliem ‘fil-batal’ li juri disrispett lejn Alla. Lanqas m’hu xieraq ċajt fuq il-ġenna jew l-infern. Kieku nifhmu kemm hu tal-waħx in-nar tal-infern, u kemm hi glorjuża il-qima t'Alla fil-ġenna, żgur ma niċċajtawx bihom.

Fl-aħħar mill-aħħar, din hi kwistjoni ta' attitudni fil-qalb. Min iħobb 'l Alla u jibża' minnu jgħix u jitkellem biex jonorah. Il-Mulej Ġesù jtenni l-istess Kmandament f’forma posittiva meta għallimna nitolbu, ‘Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.’ Ħalli mela ħajjitna tkun ddedikata għall-glorja ta’ ismu, u ma nagħmlu u ngħidu xejn li jiddiżonora isem il-Mulej u s-Salvatur tagħna.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
(Salmi 103:1-2).