Il-ferħ t'Alla



Alla hu ferħan! L-Iskrittura tiddeskrivih bħala ‘Alla l-imbierek’. Il-kelma ‘imbierek’ tfisser ferħan. Alla hu tassew kuntent, u mill-hena tiegħu għandu l-pjaċir iferraħ lil poplu tiegħu. ‘Iva, nifraħ nagħmlilhom il-ġid’ (Ġer 23:41).

Għalhekk meta bagħat lill-Ibnu fid-dinja, l-anġlu ġab ‘aħbarijiet tajba ta’ ferħ kbir li jkunu għall-poplu kollu’ (Luqa 2:10). Ġesù stess talab għad-dixxipli tiegħu, ‘biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi’ (Ġwanni 17:13). Ġesù jaqsam il-ferħ tiegħu magħhom, anke meta dan kien ifisser għalih il-passjoni u l-mewt tas-salib biex jiksbilhom l-fidwa.

Mhux biss, wara li qam mill-mewt u tela’ lura lejn is-sema, il-Mulej bagħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħammar fihom, u biex jipproduċi f’ħajjithom l-frott tal-imħabba, il-ferħ u s-sliem. Daħħalhom fis-saltna tiegħu, saltna ta’ ‘ġustizzja, u sliem, u ferħ fl-Ispirtu s-Santu’ (Rumani 14:17).

Mhux ta’ b’xejn li d-dixxipli tiegħu jgħidulu minn qiegħ qalbhom: ‘Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna fi Kristu b’kull barka spiritwali fis-smewwiet’ (Efesin 1:3). Hu, l-Imbierek, l-għajn ta’ kull ferħ, ibierek u jferraħ lill-poplu tiegħu b’kull xorta ta’ barka: jagħtihom il-maħfra, l-adozzjoni bħala wliedu, u t-tgawdija ta' kommunjoni miegħu għal dejjem.

B’mod naturali lkoll kemm aħna nixtiequ nsibu l-ferħ. Hawn xi ħadd fostna li jippreferi li jkunu mdejjaq? Għaliex mela tant nies jibqgħu indifferent lejn Alla? Minflok jerqsu lejh, l-għajn ta’ kull hena, u jiksbu dak li qalbhom tant tixxennaq għalih, huma jinjorawh u jitbegħdu minnu. Meta jitbegħdu minn Alla jkunu qed jitbegħdu mill-ferħ! Forsi jgawdu l-pjaċir tad-dnub għal mument, imma fl-aħħar mill-aħħar ma jibqa’ xejn għajr il-baħħ u r-rimors fil-qalb.

Imma din m’għandhiex tkun l-għażla tagħna! Ejja nfittxu 'l Alla b’qalbna kollha. Ejja nersqu lejh permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Minn dan nistgħu nibqgħu ċerti, li Alla jħaddana bl-imħabba u l-ħlewwa tiegħu. Il-ferħ tiegħu isir il-ferħ tagħna. ‘Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej, ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!’ (Salm 95:1).