Fejn insib il-mistrieħ?


It-taqlib u l-inċertezzi tal-ħajja jnisslu fina biża’ u ansjetà. Nixtiequ kieku nisguraw il-futur tagħna. Imma kif?

M’hemm xejn ta’ din id-dinja li jibqa’. Kollox jiqdiem, jinsteraq, jinkiser u jitmermer. Anke dak li jirnexxielek żżomm sal-aħħar, fl-aħħar ikollok tħallih warajk. Il-bnedmin sikwit jiddiżappunatawk, u dawk li jħobbuk fedelement, xi darba jew oħra jitilquk jew titlaqhom int.

Dan nafuh sew, imma ħafna minna jagħżlu li jinjoraw ir-realtà kiefra, u jgħixu bħallikieku kollox se jibqa’ għal dejjem. Illum jew għada din l-illużjon tinfaqa’ bħal bużżieqa.

Fejn, mela, nista’ nsib mistrieħ f’din id-dinja mgerfxa? Fuq min xe nserraħ it-tama għall-ġejjieni? Fejn se nqiegħed riġlejja fis-sod biex ma niżlokx? Min se jeħlisni mill-frugħa u mill-ħtija? U fejn se nsib kenn fil-maltemp?

Hemm tweġiba waħda sodisfaċenti. Alla!

   F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi,
   għax mingħandu tiġini t-tama.
   Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
   hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.
   (Salm 62:6-7).

Naf li meta nafda f’Alla, xorta waħda jkolli ngħaddi mhux biss minn mergħat iħaddru imma wkoll mix-xagħri niexef u mill-wied ta’ dell il-mewt. Imma l-preżenza tal-Mulej timlieni bil-kuraġġ, għax hu wegħdni, “Jien m'iniex se nħallik, anqas nitilqek” (Lhud 13:5).

Għalhekk bħalma t-tfal żgħar ifittxu ‘l ommhom meta jkunu morda, hekk jien, għax dgħajjef u beżgħan, naħrab lejn Alla, is-Salvatur tiegħi. F’dirgħajh ħanina u setgħana, ruħi tistrieħ trankwilla.