X’Se Toffri lil Alla?


Jekk int Nisrani, kont taf li int saċerdot? Sew jekk inti raġel jew mara, u hi x’inhi l-età tiegħek, ladarba inti membru fil-knisja ta’ Kristu, inti tassew qassis għal Alla. Hekk tgħallimna l-Iskrittura.

L-Appostlu Pietru jgħid li l-Insara kollha huma saċerdozju. “Intom ukoll, bħal ġebel ħaj, intom mibnijin bini spiritwali, bħal saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla b’Ġesù Kristu ... Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu miksub biex ixxandru t-tifhir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Pietru 2:5, 9).

L-Appostlu Ġwanni jfaħħar lil Sidna Ġesù għax għamilna qassisin. “Lilu li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna f’demmu stess, u għamilna saltna, qassisin għal Alla u Missieru; lilu glorja u qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen ... Int kont maqtul, u fdejtna għal Alla b’demmek minn kull tribù, u lsien, u poplu, u ġens, u għamiltna għal Alla tagħna slaten u qassisin” (Rivelazzjoni 1:5-6; 5:9-10).

Ladarba aħna l-Insara qassisin tas-Sultan divin, aħna msejħin biex inservuh u noffrulu offerti. Tassew, l-Iskrittura ma tikkmandaniex biex noffru ‘l Alla sagrifiċċji bi tpattija għal dnubietna. Dan għamlu Kristu, il-Qassis il-Kbir tagħna, darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu fuq is-salib. B’sagrifiċċju wieħed Kristu kiseb maħfra sħiħa għall-poplu tiegħu. Għalhekk l-Iskrittura tikkonkludi li issa m’hemmx ħtieġa ta’ aktar saġrifiċċji għad-dnub. “Issa fejn hemm il-maħfra ta’ dawn, mhemmx iżjed offerti għad-dnub” (Lhud 10:18).

X’offerti mela se noffru ‘l Alla bħala saċerdoti tiegħu? L-Iskrittura tgħidlna biex noffrulu dawn is-sagrifiċċji:
  1. Qalb niedma. “Is-sagrifiċċji lil Alla huma spirtu niedem: qalb maqsuma u sogħbiena o Alla, int ma twarrabhiex” (Salm 51:17).
  2. Tifħir. “Ħa noffru mela bi Kristu sagrifiċċju ta’ tifħir ’l Alla kull ħin, jiġifieri, il-frott ta’ xofftejna li jiżżuħajr lil ismu” (Lhud 13:15).
  3. Imħabba lejn xulxin. “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu li għandkom ma’ xulxin: għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla” (Lhud 13:16)
  4. Għotjiet lill-missjunarji. L-Appostlu Pawlu jirringrazzja lill-Insara għall-għotjiet li bgħatulu, u jgħid li dawn huma “rieħa ta’ fwieħa ħelwa, sagrifiċċju milqugħ, li jogħġob ’l Alla” (Filippin 4:19).
  5. Lilna nfusna. “Nitlobkom mela, ħuti, għall-ħniena t’Alla, biex tagħtu lil ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, imqaddes, u li jogħġob ’l Alla: dan hu s-servizz xieraq tagħkom” (Rumani 12:1).
Kristjan, tinsiex is-sejħa tiegħek: inti qassis għal Alla. Qiegħed taqdi il-ministeru saċerdotali tiegħek sew? Qiegħed b’qalbek, bi kliemek u b’għemilek ixxandar it-tifhir t’Alla li sejjaħlek mid-dlam għad-dawl meraviljuż tiegħu?