Nixtieq il-Paċi

 

Qalbna tixxennaq għas-sliem. Mhux biss li ma jkollniex ġlied u nkwiet ma’ ħaddieħor, u li ngħixu f’armonija flimkien, imma wkoll li fina nħossu sens ta’ trankwilità u kuntentizza. Forsi bla ma nirrealiżżaw, l-akbar bżonn li għandna għall-paċi huwa li nkunu sewwa m’Alla, il-Ħallieq tagħna.

Għalhekk hi tant sininfikanti l-benedizzjoni li jagħti l-Appostlu Pawlu fil-bidu tal-ittri tiegħu. “Grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.”

Ninnotaw, l-ewwelnett, x'inhi l-għajn tas-sliem. Il-paċi ta’ vera tiġi mingħand Alla l-Missier. Huwa Alla tas-sliem (Filippin 4:9). Jekk tassew irridu nesperjenzaw is-sliem m’hemm ebda post ieħor fejn insibuh. X'ħasra li tant nies jitbiegħdu minn Alla għax jaħsbu li jaqblilhom imma fil-verità qalb il-bniedem ma ssibx mistrieħ ħlief f'Alla.

Ninnotaw ukoll li qabel is-sliem, l-Appostlu jsemmi l-grazzja. Ma jistax ikollna s-sliem jekk mhux bi grazzja minn Alla. Grazzja tfisser favur jew pjaċir. Fil-ħniena u t-tjieba tiegħu, Alla jiffrankalna l-kastig li ħaqqna u jagħtina l-barka li ma jistħoqqilniex. Jekk irridu l-paċi jeħtieġ nersqu lejn Alla bħala tallaba, kif tassew aħna, u żgur ma nkunux diżappuntati.

Fl-aħħarnett, l-Appostlu jsemmi lil Mulej Ġesù Kristu fl-istess nifs m’Alla l-Missier bħala l-għajn tal-grazzja u s-sliem. Mhux bħallikieku hemm żewġ għejjun ta’ grazzja, imma b’xhieda li Ġesù hu tassew Alla. Mhux biss, Ġesù huwa l-Feddej li sar bniedem biex jikseb lill-poplu tiegħu kull grazzja u sliem.

Il-profeta kien ħabbar minn qabel li ‘l-kastig li bih għandna s-sliem kien fuqu’ (Is 53:5); it-Testment il-Ġdid jirrepeti l-istess verità, Ġesù ‘ġab is-sliem permezz tad-demm tas-salib tiegħu’ (Kol 1:20). Kristu biss iħabbeb il-midneb m’Alla, u lil dawk li jirrikonċiljahom mal-Missier, Ġesù jgħidilhom, ‘Inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi’ (Ġw 14:27).

Ħabib, inti qed tgawdi dan is-sliem tal-Mulej?