5. Għandi l-Għatx



Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: Il-Ħames Kelma

Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura, qal: ‘Għandi l-għatx!’ Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu (Ġwanni 19:28-29).

Din il-kelma, ‘Għandi l-għatx,’ hi xhieda tal-umanità ta’ Kristu. Tassew, hu l-Iben etern t’Alla, Alla veru minn Alla veru, imma daqshekk ieħor Ġesù sar tassew bniedem bħalna f’kollox minbarra fid-dnub, u bħala bniedem Ġesù esperjenza t-tbatija wkoll. Kien ilu madwar sitt sigħat espost bla ma xorob imqar qatra ilma, u minħabba t-telf tad-demm, Ġesù kien niexef qoxqox. Kien qed joqrob sew lejn it-tmiem ta’ ħajtu. Lissen dawn il-kelmiet u ġabulu ftit ilma mħallat bil-ħall, u resquhulu lejn xofftejh bi sponża. Anke f’dan il-mument ta’ tbatija jidher raġġ ta’ glorja. Mingħajr ma kienu jafu, is-suldati Rumani kienu qed iwettqu l-profeziji miktuba fuqu fis-Salmi. ‘Ħalqi niexef bħal xaqqufa, lsieni mwaħħal ma’ ħnieki’ (Salm 22:16); ‘sqewni l-ħall meta kont bil-għatx’ (Salm 69:22). Din it-twettiq tal-profezija, flimkien ma’ diversi oħra, jagħtu xhieda li Ġesù ta’ Nażaret hu tassew il-Messija mwiegħed minn Alla fl-Iskrittura Mqaddsa.

Ġesù, int kont għidt li ‘min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.’ Imma fuq is-salib inti stess kellek ħalqek u xofftejk niexfa. Int, li ħlaqt l-ilmijiet, spiċċajt tittallab naqra ilma. Sirt bniedem bħalna biex tbati għalina. Sofrejt l-għatx biex tiksbilna l-ilma tal-ħajja. Agħtina, Mulej, minn dan l-ilma, l-Ispirtu s-Santu, li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem.