Ma nibża’ minn ebda ħsara


Meta kont żgħir ommi kienet tibgħatni għand Gerita biex nixtrilha kwart kunserva jew biex inġib il-ħobż. Il-ħanut tal-merċa ta' Gerita kien f'tarf it-triq tagħna, wara l-knisja ta' San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

Kont nieħu gost immur għajr għal dan il-mingħul ta' kelb ta' waħda mill-ġierien tagħna. Kont ngħaddi minn naħa l-oħra tat-triq, imma xorta waħda, kif nersaq fil-qrib kien jibda jinbaħ għalija bla ħniena. X'biża'! Nitlaq niġri ma stajtx għax kont naf li jekk naħrab niġri l-kelb kien jagħmel għal warajja. Kont nimxi b'pass mgħaġġel, taparsi mhux qed nagħti każu, imma fil-fatt kont inkun imwerwer.

Darba minnhom missieri staqsieni biex immur miegħu s'għand Gerita. Hekk kif tlaqna tlabtu biex jerfagħni fuq spallejh. Missieri kien raġel b'saħħtu, jaħdem fir-raba', tant li kien jiflaħ xkora tal-ġwies ta' 50 kilo fuq spalltu. Lili kien jerfagħni bla ebda sforz. Meta wasalna fil-qrib, il-kelb bħas-soltu beda jinbaħ kemm kellu saħħa. Imma din id-darba ma beżżgħanix. Minn hemm fuq ħassejtni invinċibbli u ħarist lejh bi nkejja u sfida.

X'inbidel? Jien kont għadni tfajjel dgħajjef; il-kelb kien għadu feroċi daqs qabel. X'kien mela li tani tant kuraġġ? Il-preżenza ta' missieri miegħi! Bih stajt nagħmel l-arja!

Għaddew kważi ħamsin sena minn dak l-episodju. Sadanittant għaddejt minn diversi triqat mwiegħra u mhux ftit kien it-tiġrif li ltqajt miegħu. L-esperjenza għallmitni kemm jien dgħajjef u kemm huma kbar il-perikli ta' hemm barra. Naf xi jfissru l-biża' u l-ansjetà. Imma tgħallimt ukoll niffaċċja l-biżgħat tiegħi u negħlibhom bil-fidi f'Ġesù.

Tgħallimt ntenni bħal David, "Il-Mulej ir-Ragħaj tiegħi ... Iva, għalkemm nimxi fil-wied ta’ dell il-mewt, ma nibża’ minn ebda ħsara għax int miegħi; jfarrġuni l-ħatar u l-għasluġ tiegħek" (Salm 23). Ma nibżax għax il-Mulej miegħi. Bis-saħħa tiegħu nista' niffaċċja l-klieb u d-demonji li jqumu kontra tiegħi. Bħalma jwiegħed il-Mulej f'post ieħor, "Ma nħallik qatt, u lanqas nitilqek" (Lhud 13:5). Għalhekk nagħmel kuraġġ u nħares 'l quddiem b'kunfidenza li tisfida saħansitra l-mewt.