7. Missier, f’Idejk Nerħi l-Ispirtu Tiegħi



Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: Il-Seba' Kelma

U kien issa madwar is-sitt siegħa u waqgħet dalma fuq l-art kollha sad-disa’ siegħa. U x-xemx iddallmet u l-velu tat-tempju ċċarrat min-nofs. U meta Ġesù għajjat b’leħen qawwi, qal: ‘Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi.’ U malli qal hekk, radd ruħu (Luqa 23:44-46).

L-aħħar kelmiet ta’ Ġesù, ‘Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi,’ hi talba li tesprimi fiduċja sħiħa f’Missieru. Kien b’fiduċja f’Alla li Ġesù niżel Ġerusalemm meta kien jaf sew li se jaqbduh, isawtuh u jsallbuh. Fada fil-Missier meta fil-ġnien talbu biex tkun magħmula r-rieda tiegħu u ħa f’idejh il-kalċi mqiegħed quddiemu. Esprima l-fiduċja tiegħu f’Alla billi baqa’ b’fommu sieket meta izzikawh li Alla kien jeħilsu kieku tassew kien jafda fih. Fl-aħħar nett, bl-istess mod kif għex, Kristu miet b’dipendenza sħiħa fuq Alla. ‘Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħu.’ Ma kinitx inutli l-fiduċja tiegħu anke jekk wasslitu għal tant tbatija, għajb u għall-mewt fuq salib. Tlett ijiem wara Alla l-Missier igglorifikah u ddikjarah bil-miftuħ bħala Ibnu bil-qawmien minn bejn l-imwiet. Ġesù ħasad il-frott tat-tbatija tiegħu, kiseb b’demmu lil dawk kollha li jafdaw fih.

O Alla, aħna li minħabba s-salib ta’ Ibnek nistgħu nsejjħulek Missierna, agħtina l-grazzja li bħal Ibnek ngħixu u mmutu b’fiduċja sħiħa fik. Nafdaw fik, Missier, fil-ferħ u fin-niket, għax ruħna hi sigura fl-idejn ħanina u setgħana tiegħek. Jistħoqqlok, Missier, kull glorja u tifħir għax meta tgħaddina mill-wied ta’ dell il-mewt, fl-aħħar twassalna wkoll fil-glorja ta’ darek fis-sema. Ammen.