Jien hu t-Triq il-Verità u l-Hajja


Nistiednek tikkonsidra sewwa l-istqarrija tal-Mulej Ġesù meta qal, "Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja."

Jien it-Triq

Xi ħadd qal, “Bħalma wieħed jista’ jitla’ fuq il-bejt ta’ dar permezz ta’ sellum jew qasba jew taraġ jew ħabel, hekk diversi huma t-toroq u l-mezzi biex tilħaq ‘l Alla. Kull reliġjon fid-dinja turi waħda minn dawn il-mezzi.” Ħafna Maltin jaħsbuha l-istess.

Is-Sur Bianco Faċċjol qalilna hekk: “L-importanti ma tobgħod lil ħadd u tgħix ħajja tajba.” Kieku sew jaħasra, iżda min minna jgħix ħajja perfettament tajba? Kburi bit-tjieba u l-qdusija tiegħu, is-Sur Faċċjol baqa’ ma ntebaħx li taħt qoxortu hu wkoll infettat bid-dnub u l-ħażen. Lil dawn in-nies taparsi ġusti, il-Mulej m’għandu xejn x’joffrilhom, għax, kif qal: “Ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa, iżda lill-midinbin.”

Is-Sinjura Merit Gift-Scheme għandha xeħta iżjed reliġjuża. Tittama li bl-opri tajba u b’atti reliġjużi takkwista biżżejjed punti biex tagħmel tajjeb għal dnubietha u timmerita post fil-Ġenna. Taħseb li Alla ħareġ għall-biegħ il-ħniena u l-maħfra tiegħu bi prezz issussidjat. Iżda żgur qatt ma fehmet il-qalb kbira u ġeneruża t’Alla.

Orrajt-Man ilu li nesa l-Għaxar Kmandamenti li kien tgħallem id-Dottrina. Sakemm ma jinqabadx u ma jsofrix konsegwenzi, ejja ħa mmorru u ħallik mill-morali! Fl-aħħar mill-aħħar dejjem hemm l-Emergency Fire Exit: “Jekk Alla hu mħabba, żgur mhu se jibgħat lil ħadd l-Infern ibati għal dejjem!” Imma, ngħid jien, il-Mulej Ġesù kien qed jiċċajta kull meta tkellem fuq l-Infern? Xi jfisser in-nar li ma jintefiex? Il-biża’ u t-theżżiż tas-snien? It-triq il-wiesa’ li twassal għat-telfien?

Wieħed forsi jirnexxielu jitla’ fuq il-bejt bis-sellum jew b’xi ħabel. Hemm fuq jiltaqa’ mar-reliġjużi oħrajn sħabu. Iżda mal-Ħallieq ma jiltaqax, għax Alla ma jgħammarx fuq il-bejt, iżda fl-ogħla smewwiet ”fid-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh.” Pont wieħed ilaħħaq id-distanza infinita bejn il-bniedem midneb u Alla qaddis. Dan il-pont hu Ġesù Kristu: “Jien it-triq.”

Ġesù ma qalx, “Jien waħda mit-toroq.” Afferma biss, “Jien it-triq.” Lanqas qal, “Hemm ħafna mezzi li jwasslu għand il-Missier.” Iżda sostna, “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief bija.” Temmnu inti dan?

Jien il-Verità

“Stenna ftit!” nistħajlek tipprotesta. “Kif tista’ tkun daqshekk dejjaq? Fis-soċjetà moderna u pluralista kulħadd għandu dritt għall-opinjoni personali. Jeħtieġ nirrispettaw il-fehmiet diversi ta’ xulxin. Ma tistax timponi r-reliġjon ta’ Kristu fuq kulħadd!”

Nammetti, timponi mhux lant. Madankollu l-abjad jibqa’ abjad, u l-iswed jibqa’ iswed. Jekk Kalanġ jemmen li d-dinja ċatta, x’taqbad tagħmel? Forsi tirraġuna miegħu u turih ritratti tal-pjaneta tagħna meħudin mill-ispazju. Jekk jibqa’ mhux persważ m’hemmx wisq iżjed x’tagħmel. Iżda minkejja il-konvinzjoni soda tiegħu, il-verità ma tinbidilx: id-dinja tonda tibqa’ u Kalanġ jemmen ħrafa.
L-atew konvint li m’hemmx Alla. Nista’ nirrispetta opinjoni bħal dik? Ir-raġuni ma tħallinix għax fir-realtà, Alla jew jeżisti inkella ma jeżistix. Impossibbli jeżisti u ma jeżistix fl-istess waqt. Ladarba nemmen f’Alla bilfors nikkontradixxi lill-atew.

Jew nieħdu eżempju ieħor. X’hemm wara l-mewt? Kulħadd għandu l-idea tiegħu: min jgħid li m’hemmx ħajja u min jisħaq li hemm. Jidher ċar li xi ħadd għandu żball. Jekk m’hemm xejn ’l hinn mill-qabar, il-Kristjani ta’ min jitħassarhom. Iżda jekk hemm, miskin min matul ħajtu jinjora l-ġudizzju li ġej.

Forsi tweġibni: “Kollox sew, imma kif qatt nistgħu nkunu ċerti minn ħwejjeġ bħal dawn. Min qatt ra ‘l Alla, jew miet u reġa’ ġie? Ladarba ma nistgħux inkunu ċerti minn dak li nemmnu, hemm bżonn nittolleraw l-ideat ta’ xulxin.”

Sa ċertu punt naqbel miegħek. Peress li l-bniedem ma jafx kollox, u ma jistax ikun jaf kollox, dejjem jibqa’ element ta’ dubju. Il-bniedem skopra biss ftit biċċiet mill-jigsaw puzzle; l-istampa kollha baqa’ m’għarafhiex. Meta l-moħħ uman jimraħ ‘il barra mill-isfera fiżika u jittanta jiskopri l-ispiritwali, malajr jintilef f’misteru profond. Wara esperjenza filosofika ta’ eluf ta’ snin, il-bniedem modern beda jintebaħ li ma jistax iwieġeb b’ċertezza l-mistoqsijiet fundamentali ta’ l-eżistenza tiegħu. Qata’ qalbu, u ironikament, wasal għall-konklużjoni ċerta: “Ma nistax inkun naf . . . ħalli kulħadd jemmen li jrid.”
Ġesù Kristu jikkontradixxi d-disprament tagħna. Qal: “Jien hu l-verità . . . jekk iżżommu l-kelma tiegħi, imbagħad tkunu tassew dixxipli tiegħi u tagħrfu l-verità.” Iva, tista’ tkun taf fiċ-ċert. Iżda mhux jekk tibqa’ isserraħ fuq l-għerf limitat uman. L-għerf infinit ta’ Kristu huwa l-blata soda tal-fidi dommatika tad-dixxipli tiegħu.

Jeżisti Alla? Hemm ħajja wara l-mewt? Kristu mhux biss jikkonferma l-eżistenza t’Alla, iżda wkoll għarrafulna. Meta staqsewh, “Mulej, urina l-Missier,” weġibhom, “Min ra lili ra lill-Missier.” Ikkonferma wkoll l-eżistenza ta’ ħajja wara l-mewt: tkellem dwar it-tbatija ta’ l-Infern u l-kastig ta’ dejjem. Lid-dixxipli tiegħu wegħdhom li sejjer iħejji post għalihom f’dar Missieru. Hemm ħajja wara l-mewt, għax Kristu stess miet u qam!

Din mhix sempliċi opinjoni; din hi l-verità minn fomm il-Verità. Darba Pilatu staqsa lil Ġesù Kristu: “X’inhi l-verità?” It-tweġiba sħiħa għall-mistoqsija tiegħu kienet hemm quddiemu. Traġikament Pilatu telaq ’il barra. Tagħmilx bħalu!

Jien il-Ħajja

Ġesu qal ukoll, “Jien il-ħajja.” Ħabib tiegħi offenda ruħu. Qalli: “Jien kuntent kif jien mingħajr Kristu. Ma jridx jgħid forsi li apparti minnu m’hemmx ħajja ġenwina?”

Iva, hekk irid ifisser. Hu biss il-ħajja. Hu l-għajn, il-ferħ u l-għan tal-ħajja; għalhekk jekk ma tafx lil Kristu, ħajtek hi frugħa. L-Iskrittura ma tilgħabx bil-kliem: ”Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; u min m’għandux l-Iben t’Alla m’għandux il-ħajja.”

Is-Sur Mimliliri jaħseb li ma jonqsu xejn. Għandu l-isbaħ villa, karozza lussuża u jilbes ħwejjeġ tad-ditta. Lil uliedu jagħtihom l-aħjar edukazzjoni fi skola privata. L-air conditioner iżommu frisk fis-sajf u sħun fix-xitwa. Żaqqu jimliha b’ikel delizzjuż u b’inbid mill-ifjen. Għandu life insurance u kont oħxon il-bank -- moħħu mistrieħ għall-futur. X’irid aktar minn hekk?

Kemm hu iblah! Ħin bla waqt tasal is-siegħa tat-tluq tiegħu mid-dinja. Lanqas ċenteżmu wieħed ma jieħu miegħu. Jintebaħ tard wisq li fl-Infern il-flus m’għandhomx valur. Is-sinjur, mingħajr Kristu, hu fqir u fallut.

Kristu wissiena li l-ħajja ma tikkonsistix f’kemm għandna oġġetti. Ħafna Maltin ma jemmnuhx, u jassumu li l-finanzi huma l-ħelsien, is-sigurtà u l-ferħ tagħna. Jekk jirnexxielna ntejbu l-ekonomija, inżidu l-pagi u l-pensjonijiet, u nnaqqsu t-taxxi u l-kontijiet, insibu ruħna fil-ġenna tal-art. Jaħasra għalina, qiegħdin niġru wara l-bżieżaq tas-sapun.

Imma għandu mnejn, bil-grazzja t’Alla, tagħraf il-faqar, il-periklu u l-ħtija tiegħek. Tintebaħ li d-dinja hi deżert niexef u fiha m’hemmx qatra ilma. Imbagħad minn qiegħ qalbek titniegħed: “Bħalma għażżiela mlebilba għall-ilma ġieri, hekk ruħi hi mlebilba għalik, o Alla.”

Il-Mulej Ġesù Kristu hu l-uniku tama. Qal, “Jien hu l-ħajja”. Il-Mulej jistiednek: ”Jekk xi ħadd għandu l-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. Minn jemmen fija, kif qalet l-Iskrittura, joħroġ minn ġewwa fih xmajjar ta’ ilma ħaj.”

Ħabib, tinjorax l-istedina ta’ Dak li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.