Lest biex tiltaqa' m'Alla?


Il-Bibbja twissina li hu maqtugħ għall-bnedmin li jmutu darba biss, iżda wara jsir il-ġudizzju. X’se tkun is-sentenza tal-Imħallef Divin fuqek – se jsibek ġust jew ħati? Se jdaħħlek il-ġenna jew ikeċċik 'il bogħod minnu fl-infern?

Forsi tgħidli, "Isma’, vera m’inix perfett imma lanqas ma jien xi bniedem ħażin, tafx!"

Ġesù mhux hekk jaħsibha fuqna l-bnedmin: "M’hemm ħadd tajjeb ħlief wieħed, li hu Alla." Qalilna ċar u tond: "Intom ħżiena!"

Mhux biss, il-Liġi t’Alla, bħal x-ray, tikxef il-qagħda reali ta’ ruħna. Ħalli l-Liġi tiflik, u ara jekk intix sewwa m’Alla jew le.

Ġieli gdibt? Tgħidli, "Gdibt għall-bżonn u f’affarijiet żgħar." Kollox sew, imma jibqa’ il-fatt li għall-bżonn jew għalxejn, inti gdibt; fi ħwejjeġ kbar jew ħwejjeġ żgħar, inti gdibt. Min jigdeb Alla jsejjaħlu giddieb.

Ġieli sraqt? Tgħidli, "Affarijiet zgħar." Fit-taxxa u l-VAT? Tgħidli, "Għamilt bħalma jagħmel kulħadd." Taħseb li Alla se jiskużak għax sraqt bħal ħaddieħor? Jekk sraqt, f'għajnejn Alla int ħalliel.

Qatt għamilt adulterju? Qabel twieġeb, ftakar x’qalilna Ġesù li jekk biss tħares lejn mara biż-żena tkun f’qalbek għamilt adulterju. Int żieni?

Qatt qtilt lil xi ħadd? Le? Ġesù jgħidilna li min jobgħod jew jgħajjar bniedem ieħor ukoll ħaqqu l-kastig tal-infern bħal min qatel b’daqqa ta’ sikkina. Ġieli bgħadt jew għajjart lil xi ħadd? Jekk iva, int f'qalbek qattiel.

Dejjem obdejt il-ġenituri tiegħek? Dejjem irrispettajt lil ta’ fuqek, il-gvern u l-imgħallem? Jekk le, f’għajnejn Alla inti ribelluż.

Tħobb lill-Mulej Alla b’qalbek kollha? Tħobbu aktar milli tħobb lir-raġel jew il-mara tiegħek u lil uliedek? Jew forsi nsejt u njorajt ’l Alla għax aktar ħsiebek fil-flus, l-impjieg u d-divertiment? F’kelma waħda, inti idolatra?

Qatt semmejt l-isem t’Alla għal xejn b’xejn? Ġieli tkellemt ħażin jew iċċajtajt bi ħwejjeġ qaddisa? Jekk iva, allura inti midgħi.

X’taħseb li jkun il-ġudizzju t’Alla fuqek jekk int ħażin, giddieb, ħalliel, qattiel, ribelluż, żieni, idolatra u midgħi? Ġust jew ħati? Kun onest miegħek innifsek!

Forsi tgħidli, "Imma Alla hu tajjeb!"

Iva, ladarba s-Sid hu mħallef tajjeb, u għaliex mhux imħallef korrott, Alla jikkundanna l-midinbin u jagħtihom il-kastig li ħaqqhom. Is-sentenza tiegħu hi ġusta u tal-biża': "Tbiegħdu minni intom li tagħmlu l-ħażen!"

Tgħidli, "Allura m’hemm ebda tama ta’ xejn għalija?"

Le, fik innifsek m'hemm ebda tama. Imma f'Ġesù Kristu, iva! Minħabba s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib, Alla jaħfer lil dawk kollha li jagħtu daharhom għall-ħażen, u jafdaw ruħhom f’idejn il-Mulej Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-dinja.

Ħabib, tagħtix mistrieħ lil ruħek qabel tkun ċert li inti lest biex tiltaqa' m’Alla. Illum hu ż-żmien tajjeb biex tindem u temmen fi Kristu għas-salvazzjoni ta’ ruħek.

------

Nistiednedk tniżżel kopja b'xejn tal-ktejjeb, X'għandi nagħmel biex insalva? Aqrah b'attitudni ta' talb, u jalla l-Mulej jagħtik d-don tal-fidi għas-salvazzjoni tiegħek.