Kastelli tar-Ramel


Il-qawl Malti jgħid, “Kul u tpaxxa għax min hawn għal ġol-kaxxa.” L-appostlu Pawlu jgħid l-istess, “Ħa nieklu u nixorbu għax għada mmutu” (1 Korintin 15:32). Fi kliem ieħor, jekk m'hemm xejn wara l-mewt, gawdi kemm tiflaħ issa għax għada jintemm kollox.

Ħafna Maltin ma jemmnux, jew ma jimporathomx, jekk Ġesù qamx mill-mewt, jew jekk il-mejtin għadx jitqajmu fl-aħħar jum. Ma nafx int x’temmen, imma qatt ħsibt bis-serjetà x’inhuma l-implikazzjonijiet ta’ dan kollu? Jekk il-qabar huwa l-aħħar waqfa tal-vjaġġ qasir tagħna, x’attitudni għandna nieħdu għall-ħajja?

X’ikun l-iskop li tinkwieta u taħdem daqs kelb biex tmur tajjeb fl-eżamijiet, tibni dar, issir sinjur jew tilħaq fil-karriera tiegħek, jekk kollox jispiċċa bħad-duħħan? Jekk il-mewt ittemm kollox, kollox huwa assurd. It-tmiem tas-sinjur u l-fqir, tal-gharef u min ma jafx, ikunu l-istess – il-vojt, id-dlam, ix-xejn! Anke l-ferħ u t-tbatija, l-imħabba u l-mibgħeda, it-tajjeb u l-ħażin, jitilfu s-sinifikat jekk kollox iwassal għall-baħħ. Inkunu bħat-tfal żgħar, jilgħabu fuq xatt il-baħar, jibnu l-kastelli tar-ramel sakemm jitla’ l-mewġ u jniżżel kollox. Hekk ukoll aħna, nibnu l-imperi ċkejkna tagħna fuq xatt l-eternità, sakemm titla' mewġa u tkaxkar kollox magħha.

Mela ħalli ngawdu u niddevertu sakemm nistgħu! Ħa nieklu u nixorbu għax għada mmutu! Carpe diem, aħtaf il-jum – għax illum biss tiegħek, u għada m’għandek xejn. Ħalli niskru biex ninsew kemm hu vojt u assurd il-mument tal-eżistenza tagħna. Aħna passiġġieri fuq vapur li qed jergħeq f’nofs l-Atlantiku; ħalli mela nagħmlu festa, nixorbu, indoqqu il-mużika u niżfnu sakemm nistordu... mhux għax tassew ferħanin jew għax għandna x’niċċelebraw, imma biex ninsew kemm hu miskin u bla sens id-destin tagħna.

Imma jekk Ġesù tasssew qam mill-mewt, kif tgħallem l-Iskrittura, allura l-mejtin iqumu, jew aħjar, hemm Alla li jista’ kollox li jqajjem il-mejtin. Il-ħajja mhix assurda. Dak li nagħmlu f’din il-ħajja – tajjeb jew ħażin - għandu sinifikat tassew u konsegwenzi dejjiema.

Hekk mela, jekk mhux maħfur, id-dnub huwa tagħbija li tinġarr 'l hemm mill-qabar għall-kundanna ta’ dawk kollu li sfidaw jew injoraw lill-Ħallieq tagħhom.

Mill-banda l-oħra, jekk nemmnu fi Kristu, dnubietna huma maħfura, u anke minn issa stess nieklu u nixorbu bil-ferħ - mhux biex ninsew, imma għax niftakru f’Alla li jagħtina dawn l-għotjiet tajba. Aħna wkoll għandna sehem sħiħ mit-tbatija u l-għali ta’ din il-ħajja, imma t-tama tagħna tisfida saħansitra l-mewt. Għalina il-mewt mhix it-tmiem, lanqas il-kundanna, imma il-wasla fid-dar ta’ Missierna.