Għaliex it-Tbatija, Mulej?

Għaliex il-mard, l-uġigħ u l-mewt? Ladarba tista’ kollox, ladarba inti ħanin u twajjeb, għaliex, Mulej, tibqa’ ma tfejjaqx? Forsi ma tismax il-karba tal-marid, jew ma tarax id-dmugħ fuq ħaddejna?

Inti l-Ħallieq tas-sema u l-art; fil-bidu ħlaqt kollox tajjeb, lilna sawwartna fuq xbieha tiegħek, sejjaħtilna biex ingawdu xirka miegħek, u wissejtna bis-sħiħ li d-dnub inissel il-mewt. L-ewwel ġenituri tagħna m'obdewkx u ħaduha kontra tiegħek; l-istess aħna, bi dnubietna, komplejna nirribellaw kontra min għamilna.

Għalhekk illum madwarna ma narawx il-ġnien sabiħ tal-bidu, imma xewk, nixfa u taħsir. Fadal ftit mis-sabiħ tal-Għeden biex ifakkarna fit-tjieba ħelwa tiegħek. Imma issa l-ferħ huwa mħallat man-niket; mas-saħħa, il-mard; mal-ħajja, il-mewt -- biex ma ninsew qatt kemm hu ikraħ f’għajnejk id-dnub, u kemm hu morr il-frott tiegħu.

Kont wissejtna fil-bidu, u terġa’ twissina llum. Jekk nibqgħu bla ndiema, hemm tbatija agħar, l-infern, in-nar li ma jintefiex. Għallimni, Mulej, il-biża’ tiegħek biex nistkerraħ dak li tobgħod int, id-dnub li ġab tant qerda u miżerja. Agħtini qalb niedma biex nagħti dahari għall-ħażen, u nimxi fil-mogħdija d-dejqa li twassal għall-ħajja.

Meta iżżurni bil-mard, Mulej, jien nibqa nafda fik għax int fil-kontroll perfett ta’ kollox; għasfur tal-bejt ma jaqax fl-art mingħajr ir-rieda tiegħek. Ħajti f’idejk, Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni; jekk le, ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek. Inti ma ġġarrabnix għalxejn, imma tuża t-tbatija biex tilħaq għan tajjeb għall-ġid tiegħi u għall-glorja tiegħek.

Jekk ma nifhem xejn u bid-dmugħ ma narax ċar, għallimni nibqa’ sieket biex ma nlissinx kelma waħda ta’ protesta jew kelma ta’ dubju fuqek. Meta tgħaddini mill-wied ta’ dell il-mewt, żgur ma tinsiex il-wegħda tiegħek, u ma tħallinix waħdi fid-dalma tal-lejl. Ibqa’ ħdejja, Mulej, għax inti l-għajnuna u l-faraġ tiegħi. Jien inbus l-id moħbija tiegħek, anki meta tagħfas fuqi, u nqim minn qalbi lil Alla l-imbierek.

Ressaqni fid-dell tas-salib biex il-Kalvarju jkun l-iskola tiegħi, għax int ukoll xrobt mill-morr tal-ħajja u ġarrabt bħalna t-tbatija u l-mewt. Mulej, int ħallejt il-glorja tas-sema, għażilt li taqdi minflok tkun moqdi. Libbsuk kuruna tax-xewk, Sultan, neżżgħuk u dendluk mal-għuda misħuta. Ma kienx jistħoqqlok, ma kellek ebda ħtija; int tgħabbejt bil-mard u d-dnubiet tiegħi, u ħadt il-kastig li kien jixraq lili. Salibek, Mulej, hu l-fejqan tiegħi, u demmek naddafni minn kull tebgħa.

Għalhekk inħares ’il quddiem bit-tama; il-qabar mhux l-aħħar waqfa ta’ din il-mixja qasira. Bħalma rbaħt fuq il-mewt u qomt rebbieħ, b’ħiltek, Mulej, jien ukoll għad ngħix mill-ġdid meta bil-kelma qawwija tiegħek issejjaħli għall-qawmien tal-ħajja, tlibbisni b’ġisem li ma jitħassarx, timsaħ kull demgħa minn għajnejja u tfejjaqni minn kull marda, Dakinhar, Mulej, ma nistaqsix aktar, 'Għaliex it-tbatija?' -- imma ngawdik u nfaħħrek għall-eternità.