Inti l-Kristu, Bin Alla l-Ħaj

Is-simbolu tal-ħuta,
bil-Grieg, ICHTHUS,
tirreferi għal Ġesù Kristu,
l-Iben t'Alla, Salvatur.

Filwaqt li dejjem għandu jkollna rispett u mħabba lejn nies ta’ twemmin ieħor, huwa dmirna l-Insara li ngħollu l-Isem tal-Imgħallem tagħna ‘l fuq minn kollox u minn kulħadd.

Meta staqsa x’jaħsbu fuqu, Ġesù ma kienx sodisfatt li n-nies kienu jqisuh bħala wieħed mill-profeti. Lid-dixxipli tiegħu staqsihom x’kienu jaħsbu huma, u kien hawnhekk li Pietru għamel dik l-istqarrija kbira, ‘Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.’

Ġesù hu l-Iben t’Alla, u allura hu Persuna distinta mill-Missier u sottomess lejh. Dan ma jfissirx li l-Iben għandu natura differenti mill-Missier. It-tifel tiegħi hu sottomess għalija, missieru; madanakollu, ibni huwa uman bħali u daqsi. Bl-istess mod, Bin Alla għandu l-istess natura Divina bħal Missier.

Fil-vanġelu naqraw li darba minnhom il-Lhud riedu joqtlu lil Ġesù ‘għax qal li Alla hu Missieru, u b’hekk għamel lilu nnifsu daqs Alla’ (Ġwanni 5:18). Kristu kkonferma li fehmuh sewwa billi qalilhom li l-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll. Hekk kif l-Missier iqajjem il-mejtin, l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid, u jagħmel ġudizzju minn kulħadd.

Jista’ xi ħadd maħluq, bniedem jew anġlu, kbir kemm hu kbir, jgħid dawn il-ħwejjeġ fuqu nnifsu? Jista’ il-maħluq jagħmel il-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Ħallieq, iqajjem il-mejtin u jagħmel il-ġudizzju universali? Ikun jidgħi jew tilef ir-raġuni jekk sempliċi bniedem iqis lilu nnifsu daqs Alla.

Issa, jekk ma rridux nakkużaw lil Kristu b’dagħwa jew ġenn, kif għamlu l-għedewwa tiegħu fi żmienu, jeħtieġ naffermaw li Ġesù tkellem il-verità, u li t-titlu Bin Alla hu stqarrija tad-Divnità tiegħu.

Din il-verità - Ġesù huwa Bin Alla - hija l-blata soda li fuqha l-Insara jibnu u jserrħu ħajjithom. Il-Mulej Ġesù qal li min jagħraf lilu jagħraf ’l Alla; min jara lilu jara Alla; min jilqa’ lilu jilqa ‘l Alla; min jobgħod lilu jobgħod ‘l Alla; u min jonora lilu jonora ‘l Alla. (ara Ġwanni 8:19; 14:7; 12:45; 14:9; 14:1; Mark 9:37; Ġwanni 15:23; 5:23).

Bl-aktar mod solenni l-Iben stqarr: ‘Jiena u Missieri ħaġa waħda aħna.’ L-udjenza fehmitu sew x’ried ifisser, weġbuh: ‘Int bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla.’ Dawk li m’emmnuhx akkużawh b’dagħwa u riedu joqtluh; filwaqt li dawk li emmnuh, afdaw ruħhom f’idejh u qimuh. Din hi ukoll l-għażla tagħna illum.

Ġesù bierek li Pietru meta sejjaħlu, ‘Bin Alla l-ħaj’. L-istess jagħmel lilna jekk nemmnu fih b’qalbna kollha. Infatti l-vanġelu inkiteb b’dan il-għan, biex nemmnu li Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla, u biex billi nemmnu, ikollna il-ħajja f’ismu.