X-Ray ta' Ruħna

Jinżlulna għasel il-kumplimenti u t-tifħir, imma l-kritika xxerraqna. Mill-ewwel noqomsu, naqgħu fuq id-difiża u nieħdu għalina. Madankollu, bħal mediċina morra li kienet tagħtini ommi meta kont żgħir, il-kritika taf tkun aktar bżonjuża mid-dlik bix-xemgħa. Speċjalment jekk tkun ġejja mill-Imgħallem tagħna Ġesù.

Meta l-Mulej iqiegħed sebgħu fuq il-ferita, xorta waħda nweġġgħu, imma nistgħu nserrħu moħħna li l-kritika tiegħu hi vera u ġusta, u li l-mottiv u l-għan tiegħu huwa għall-ġid tagħna. Darba minnhom, waqt li kien qed jgħallem fuq it-talb, Ġesù qal hekk: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?”

Innottajt x’sejħilna? Bla tlaqliq xejn, Ġesù jgħid li aħna ħżiena. Ħżiena!

Forsi tgħidli li mhux qed jgħid għal kulħadd, li ma tistax tiġġeneralizza, li filwaqt li hawn nies ħżiena, hawn ħafna nies tajbin ukoll, li ma tistax tkun daqshekk negattiv!

Huwa interessanti li Ġesù ma kienx jitkellem fuq il-giddieba, il-ħallelin u l-qattiela, imma lid-dixxipli tiegħu, lil dawk li jseħħu lil Alla missierhom. Skond Ġesù, imqar ulied Alla, sakemm jibqgħu f’din id-dinja, huma wkoll ħżiena.

Kieku Kristu qal, ‘Intom ħżiena jekk tagħmlu l-ħażen,’ konna nifhmuh u naqblu miegħu mill-ewwel. Imma ma qalx hekk. Għal kuntrarju, Kristu qal li aħna xorta waħda ħżiena minkejja it-tajjeb li nagħmlu. Wara kollox, il-giddieb sikwit jgħid il-verità, il-ħalliel kapaċi wkoll ikun ġeneruż, u l-qattiel jaf, fejn irid, ikun ħanin. Hekk ukoll, id-dixxipli tiegħu jagħmlu ħafna ġid -- il-ġenituri jonfqu u jintefqu għall-ġid ta’ wliedhom -- madankollu, minkejja t-tajjeb li nagħmlu, Ġesù jiddikjara li aħna ħżiena.

Iebsa din biex inniżżluha! Imma inkunu boloh jekk ma neħduhx bis-serjetà. Hu li jaf il-qalb umana jagħtina dijanjosi korretta, għalkemm xejn sabiħa, tal-kundizzjoni ta’ ruħna. Jien konvint li xi wħud ma jduqux il-ħniena u l-maħfra t’Alla għax qatt ma kienu onesti u umli biżżejjed biex jammettu li huma ħżiena. X’tagħmel jekk it-tabib jgħidlek li għandek marda serja? Tgħidlu ma jkunx negattiv? Tinjorah? Tgiddbu? Jew tgħidlu, ‘Dott, x’nistgħu nagħmlu biex infieq?’

Kristu jwissina bil-qagħda ħażina tagħna għal skop tajjeb. Mhux biex niddispraw jew naqtgħu qalbna, imma biex infittxu lilu. Hu ma ġiex għal min hu b’saħħtu, imma għall-marid; mhux għat-tajbin, imma għall-ħżiena. Meta nersqu lejh, imtaqqlin kif aħna bid-dnubiet u l-ħtija, insibu fih il-maħfra u l-għajnuna biex jibdilna fuq xbieha qaddisa tiegħu.