Alla hekk ħabb id-dinja

Il-Bibbja tiġbor fil-qosor il-messaġġ tal-evanġelju f'dawn il-kliem tad-deheb:

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem (Ġwanni 3:16).

Minkejja li d-dinja ħaditha kontra l-Ħallieq tagħha, Alla xorta waħda jħobbha. Mhux għax aħna ħelwin, imma għaliex hu twajjeb; mhux għax aħna mingħajr dnub, imma minkejja l-ħażen tagħna, Alla jħobb lid-dinja!

Alla jħobbna għax ħalaqna, jagħtina l-ħajja, iżommna ħajjin, jieħu ħsiebna u jipprovdielna l-bżonnijiet tagħna. Dawn l-għotjiet napprezzawhom aktar meta joftomna minnhom imqar għal ftit żmien. Aktar minn hekk, il-manifestazzjoni ewlenija tal-imħabba t’Alla tidher fl-akbar għotja li ta u li qatt jista’ jagħtina. Alla ta l-Iben il-waħdieni tiegħu! Imħabba akbar minn hekk ma tistax tkun. Meta tana lil Ibnu, Alla tana qalbu.

Alla tana lil Ibnu meta bagħtu fid-dinja bħala bniedem, umli u ġwejjed, biex jgħix fostna, jgħallimna u finalment biex imut għalina. Ġie b'ġisem tad-demm u l-laħam bħalna biex ikun imsammar mal-għuda u biex ixerred demmu għall-fidwa tagħna. Alla l-Missier wera imħabba infinita magħna meta nifed qalb Ibnu bis-sejf tal-ġustizzja. Hu li kien bla dnub ħa l-kastig li kien ħaqqna aħna, u miet darba għal dejjem bit-tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu.

Alla għadu sal-lum jagħti lil Ibnu fil-wegħda tal-evanġelju. Il-Missier wasslu sas-salib u ħarġu rebbiegħ mill-qabar, sabiex issa jistedinna imorru għandu, is-Salvatur tad-dinja. Il-wegħda t'Alla hi din: ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.’

Ninsabu fil-periklu tat-telfien għax ilkoll dnibna kontra l-Ħallieq u ħaqqna l-kundanna tiegħu fl-infern, kif wissiena kemm-il darba Kristu. Imma nirringrazzjaw ‘l Alla, l-Iskrittura tħabbrilna l-Bxara t-Tajba ta’ salvazzjoni. Ġesù ma ġiex biex jikkundanna d-dinja imma biex isalvaha. ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx’. Alla jaħfer u jilqa’ lil dawk kollha li jemmnu f’Ibnu u jintelqu f’dirgħajh. Minflok it-telfien, Alla jagħtina b’xejn il-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem li kiseb Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

X'se tkun l-għażla tiegħek? Quddiemek hemm il-ħajja u t-telfien. Jekk twarrab lil Kristu telimina kull imħabba minn ħajtek; jekk bil-fidi tħaddan lill-Iben, tgawdi l-imħabba ħelwa tal-Missier għal dejjem.