Alla Mhux Vending Machine!

Qatt irċivejt xi chain letter? Ġeneralment dawn il-messaġġi jinkludu xi talba, wegħda jew theddida, u appell biex tibgħata lil nies oħra. Qabel kienu jintbatu bil-posta, imbagħad b'email, u issa fuq facebook u messenger.

Dawn it-tip ta’ messaġġi mhumiex espressjoni tal-fidi Kristjana. Huma twemmin superstizzjuż mingħajr ebda bażi fil-Kelma t’Alla.

Alla qatt ma wiegħdna li żgur iweġibna jekk nirrepetu talba partikolari u nibgħatuha lil ċertu numru ta’ nies. Dawn il-ħrejjef huma biss l-istħajjil ta’ min ivvinthom u ta’ dawk li jkomplu jxerrduhom minħabba l-biża’ jew għal xi raġuni oħra.

Xejn ma timpressjonani x-xhieda ta’ x’uħud li jgħidu li qalgħu grazzja skont kif kien hemm miktub fl-ittra. Ladarba tintbagħat lil eluf ta’ nies, hemm ċans tajjeb li xi wħud jinzertaw jolqtu l-likk. L-esperjenza tagħhom ma tibdel xejn mill-fatt li l-wegħda hi falza. Hemm minn jemmen li nagħla ta’ żiemel ukoll iġġib ‘good luck’ – u xi wħud minnhom ukoll kultant tiġihom tajba.

Mill-banda l-oħra l-wegħda hi mgiddba u miċħuda mill-eluf li għamlu eżattament l-istess ħaġa bħalhom u baqgħu b’xiber imnieħer. Ħafna Nsara b’kuxjenza sensittiva kellhom il-fidi tagħhom mheżża għax taw kas ta’ superstizzjonijiet bħal dawn.

It-talb mhux formola maġika. Lil Alla ma nistgħux nitrattawh qisu vending machine li minnha fil-pront jinżel il-flixkun tal-luminata meta nitfgħu l-munita u nagħfsu il-buttuna. Hekk inkunu nqisuh lil Alla jekk naħsbu li jismagħna għax nirrepetu talba speċifika u nwettqu xi kundizzjonijiet ivvintati mill-bniedem.

Lil Alla ma nistgħux nimmanipulawh jew inġarrbuh. Alla hu ħieles u jwieġeb talbna skont ir-rieda għarfa tiegħu. Il-Mulej għallimna nitolbuh, ‘Ikun dak li trid int.’ Fil-ġnien Ġesù stess talab lil Missieru, ‘Mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.’

Alla jistedinna nersqu lejh b’qima, umiltà u fidi sinċiera. Hu jisma’ t-talb ta’ wliedu għax iħobbna, u mhux għax nużaw xi formola partikolari. Meta jogħġbu jisma’ talbna, għandna nirringrazzjaw mill-qalb. Jekk ma jweġibniex meta u kif iridu aħna, dan għaliex hu egħref minna u jaf x’inhu fl-aħjar interess tagħna.