B'liema Prezz?

X’tagħtuni, staqsa Ġuda, biex nagħtikom lil Ġesù?

Ma titwemminx! Kif jista’ jkun li bniedem jasal biex ibiegħ lil ħabibu? Kif jista’ jittradixxi lill-Imgħallem tiegħu minkejja li qatt m’għamillu l-iċken deni, u li minnu ħlief ġid u mħabba ma rax?

Ġuda biegħu għal tletin biċċa tal-fidda – biċċa tal-fidda kienet tiswa madwar 200 ewro. Tletin biċċa jiġu bejn wieħed u ieħor €6000.

Għal daqshekk biegħu lil Ġesù – x’biċċa negozju miżerabbli! Kif tbiegħ lil Dak li hu imprezzabbli għal borża flus?

Ma kinitx storja ta’ darba. Sal-lum ħafna għadhom, għall-imħabba tal-flus, ibiegħu u jittradixxu lil Ġesù. Għandhom wisq x’jagħmlu. Imħabbtin wisq bix-xogħol, bil-part-time u bil-business. M’għandhomx ħin għalih. Żgur ma jriduhx fin-nofs meta jidħol negozju u ħlas ta’ VAT u taxxi.

B’hekk idaħħlu fil-but ftit aktar karti, waqt li jħallu barra minn qalbhom lil Dak li jista’ jagħnihom b’teżori li jibqgħu għall-ħajja ta’ dejjem.

Jien ukoll, li nqis lili nnifsu dixxiplu ta’ Kristu, nista’ nirrepeti l-istess żball. Ma ninsiex li Ġuda kien wieħed mit-Tnax u kien jiekol u jgħix miegħu. Jista’ jiġrili bħalu jekk, minflok ngħożż lil Ġesù, nippreferi l-għana u l-ġid tad-dinja.

Imma fl-aħħar mill-aħħar lil Ġesù ma nistgħux inbigħuh. Jekk xejn inkunu nbiegħu ruħna għat-telfien ta’ dejjem jekk inpartu l-imħabba ta’ Kristu mal-imħabba tal-flus.

Kristu għamel bil-kontra. Hu ħabb lil knisja, u ma warrabhiex minkejja l-ħafna difetti tagħha, imma ħallas għalija prezz li jisboq bil-bosta l-fidda u d-deheb. Kristu kiseb il-knisja billi ta ħajtu għaliha meta xerred demmu għall-fidwa tagħha.