In-Niket ta' Ġesù f'Ġetsemani


Magħsar taż-żejt tal-ġebel,
fid-Domus Romana, ir-Rabat.
 
M’ilux ħadna t-tfal jaraw id-Domus Romana, ir-Rabat. Fuq barra hemm magħsar tal-ġebel, kif jidher fl-istampa, li kien jintuża għall-għasir taż-żebbug. Bl-Aramajk, il-magħsar taż-żejt kienu jgħidulu ‘Ġetsemani’. Min jaf jekk il-ġnien tal-Ġetsemani, li kien jinsab f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ, kienx jismu hekk għax fih kien hemm xi magħsar bħal dan?

Lejlet li bata, Ġesù mar fil-ġnien tal-Ġetsemani u hemmhekk offra talb u tħannin b’għajjat qawwi u dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. Tliet darbiet Ġesù talab lil Missieru jeħilsu minn dik is-siegħa, ‘O Missieri, jekk jista’ jkun, ħa jitwarrab minni dal-kalċi: iżda mhux kif irrid jien, imma kif trid int’ (Mattew 26:39).

X’kien qed ibeżża’ lil Ġesù? X’nikktu tant f’dik is-siegħa? X’ġegħlu jintefa’ għal wiċċu fl-art? Għaliex għaraq l-għaraq tad-demm?

Ma naħsibx li kienu biss is-swat, id-daqqiet, it-toqol tas-salib, l-imsiemer, il-kuruna tax-xewk, l-għatx, l-agunija, it-tmasħir u l-insulti tal-għedewwa tiegħu. Fil-Ġetsemani, bħal f’magħsar taż-żejt, ħaġra wisq itqal u aktar iebsa kienet qed tisħaq ruh il-Mulej. Ħadd qatt ma sofra bħalma sofra Ġesù. Il-mewt ta’ Kristu kienet unika.

Niftakru li Ġesù huwa l-Iben li fih il-Missier isib il-għaxqa tiegħu. Ġie fid-dinja, sar bniedem bħalna, imma qatt ma ċċappas bid-dnub. Ġesù hu qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin u merfugħ 'il fuq mis-smewwiet. L-Iskrittura tgħid li Ġesù ma kienx jaf x'inhu dnub. Hu kien bla ħtija.

Imma l-Iskrittura tkompli tgħid li, "Alla għamlu dnub għalina" (2 Korintin 5:21). Hu tgħabba bid-dnubiet ta' ħaddieħor, u bata u miet bit-tpattija għal ħtijiethom. Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej stkerraħ dik is-siegħa u talab b’tant ħerqa lil Missieru biex jeħilsu minnha ... jekk kien possibli.

Imma għall-ħelsien tal-midinbin, le, ma setax ikun. Il-ħaruf t’Alla kellu jkun sagrifikat fuq l-artal tal-Golgota biex ineħħi d-dnub tad-dinja.

Mhemmx mezz ieħor ta’ ħelsien. Dawk li jiċħduh ikollhom jixorbu huma l-kalċi tal-waħx tal-korla t’Alla. Għalina, li bil-fidi ħaddanna lil Kristu, ma nixorbux il-kalċi morr tal-għadab – dak xorbu Ġesù minflokna – imma nixorbu bil-ferħ il-kalċi tas-salvazzjoni li kisbilna bit-tbatija ta’ ruħu.