Missierna li Inti fis-Smewwiet

Hekk kif ħriġna bit-tarbija il-ġdida mill-isptar bqajna sejrin dritt Għawdex nuruha lil ommi. Ħassejt għafsa ta’ qalb x’ħin għaddejna minn quddiem iċ-ċimiterju fejn hemm midfun missieri. Ara kemm kien jieħu gost b’Mari kieku kien għadu ħaj!

Kelli l-privileġġ inkun maġenbu l-ITU dakinhar li qaleb għall-agħar. Ftit qabel intilef minn sensih lissen it-talba tal-Missierna kif kien mdorri jagħmel qabel jorqod. Din id-darba wara li sejjaħ ‘l Alla ‘Missierna li inti fis-smewwiet’qam biex jiltaqa’ ma’ Dak li ħabb u emmen fih.

Kemm huwa privileġġ kbir li lill-Ħallieq u s-Sid ta’ kollox nistgħu nersqu lejh bil-kunfidenza ta’ wlied u nsejħulu ‘Missierna’. Hekk għallimna nitolbu Ġesù. Kien permezz tal-fidi fih li sirna wlied Alla. L-Iskrittura tgħallimna li Ġesù “ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx, imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f'ismu” (Ġw 1:11,12).

Sfortunatament sal-lum għad hawn ħafna nies li ma jilqgħuhx, forsi għax imħabbtin wisq bix-xogħol, negozju, studju jew divertiment, jew għax jippreferu jgawdu għal ftit l-pjaċir tad-dnub.

Mill-banda l-oħra, dawk li taw widen għall-Kelma tal-Evanġelju, u laqgħuh f’qalbhom, Ġesù jaħfrilhom dnubiethom u jagħtihom il-jedd li jissejħu wlied Alla. Dawn bir-raġun isejjħulu ‘Missierna’.

Kemm għandna nkunu grati lejn il-Missier li matul is-snin ħa ħsiebna u provdielna x’nieklu u dak kollu li għandna bżonn. Anke fl-hemm u l-inkwiet nistgħu nħarsu lejn is-Sema u nagħmlu kuraġġ għax nafu li Missierna jaf x’inhu l-aħjar għal uliedu, avolja aħna ma nifhmu xejn. Barra minn hekk, it-tmiem tal-vjaġġ tagħna ma jwassalx għall-baħħ, imma fid-Dar tal- Missier. Ulied Alla għandhom ikunu l-aktar nies ferħana f’din id-dinja.

Dan l-aħħar irċevejt email b’reazzjoni għall-artiklu li ktibt fuq l-ateiżmu. Qalli, ‘Għaliex ma taċċettax il-fatt li hawn nies li ma jemmnux f’Alla?’

Ġiegħelni naħseb. Tassew, għaliex m’għandix inħalli lil kulħadd jemmen li jrid? Għaliex għandi jimportani minnhom? Waqt li kont qed naħseb fuq hekk kmieni filgħodu quddiem il-kompjuter, ġie it-tifel ħdejja. Kien għadu qed iqum, u b’vuċi kiebja sejjaħli, ‘Papa,’ waqt li resaq ħdejja biex ngħannqu miegħi.

Dik hi r-raġuni! ‘L-ateist huwa bħal tifel fqajjar li mingħalih huwa orfni, meta fil-fatt is-Sultan jista’ jkun missieru! Lil tifel bħal dan ikolli seba’ mitt sena biex nagħtih l-aħbar tajba u nlaqqgħu ma dak li ħalqu, u biex permezz ta’ Kristu, jirritorna fi ħdan il-Missier ħanin. Fih isib il-ferħ u l-milja li qalbu tixxennaq għalihom.’