Lil Min Tħobb l-Aktar?


Kont qed nipprova nraqqad lit-tifel, u kif nagħmlu s-soltu, konna qiegħdin ngħidu kelma bejnietna fil-kwiet.

‘John, tħobbni?’ staqsejtu.

‘Iva papà, inħobbok,’ weġibni fil-pront.

‘U lill-mamà tħobbha?’

‘Iva lill-mamà inħobbha.'

‘Lil min tħobb l-aktar,’ staqsejtu biex niġbidlu saqajh, ‘lill-papà jew lill-mamà?’

Ħasibha għal ftit mumenti u qalli, ‘Lil Ġesù inħobb l-aktar.’

Tweġiba f’waqtha u bil-għaqal! L-istess wieġeb il-Mulej meta staqsewh liema hu l-akbar kmandament: ‘Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed’ (Mt 22:37, 38). F’okkażjoni oħra, Ġesù reġa’ tenna li hu jistħoqqlu l-ogħla ġieh, ‘Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi’ (Mt 10:37).

Imma min fejn ġab risposta bħal dik tifel ta’ erba’ snin? Sa fejn naf jien qatt m’għidnielu aħna.

Min meta kien għadu tarbija, min jaf kemm-il darba għidnielu li nħobbuh, u li Ġesù jħobbu aktar minn kulħadd. (L-ewwel ktieb tiegħu kien jismu ‘Most of All Jesus Loves You’). Forsi rraġuna fil-moħħ ċkejken tiegħu li għandu jħobb l-aktar lil min jħobbu l-aktar. Nimmaġina li ħaseb xi ħaġa hekk: ‘Ladarba Ġesù jħobbni aktar mill-papà u mill-mamà, mela Ġesù għandu jiġi l-ewwel.’

Alla wera mħabba bla qies magħna. Ħalaqna, iżommna ħajjin u jipprovdielna dak kollu li għandna bżonn għall-ħajja. L-akbar espressjoni ta’ mħabbtu dehret fil-ħniena li wera magħna meta bagħat lil Ibnu biex jifdina. ‘Alla hekk ħabb lid-dinja li bagħat ‘l Ibnu l-waħdieni.’ Ġesù stess qalilna, ‘Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu’ (Ġw 15:13).

L-imħabba sinċiera u ferventi lejn Alla għandha tkun it-tweġiba naturali tal-qalb tal-mifdija. Għandna nħobbuh mhux biex niksbu xi favur mingħandu, imma għax doqqna kemm hu tajjeb il-Mulej. ‘Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel’ (1 Ġw 4:19).