Mal-Munita għandi Qalb?

F’Nottingham l-Ingilterra studenta tal-Liġi ta’ 22 sena ma tħallitx tirkeb fuq il-karozza tal-linja fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu għax kien jonqosha 20p biex tħallas in-noll ta’ ħames liri. Il-video tas-CCTV juri lil din it-tfajla tittallab lix-xufier għal tmin minuti sħaħ biex iħalliha titla’. Il-passiġġiera l-oħra baqgħu passivi. Spiċċat barra fil-kesħa f’temperatura taħt iz-zero. Ċemplet lil ommha biex tiġi għaliha, imma qabel laħqet waslet, it-tfajla ġiet stuprata u msawwta. Tant kienet imbiċċra u miksija bit-tajn u d-demm li ommha m’għarfithiex.

Irrabjat u iddispjaċieni meta qrajt din l-istorja. Il-ġuvni li sawwatha juri f’liema livell baxx u krudili jista’ jaqa’ l-bniedem. Imma mhux anqas ix-xufier u l-passiġġiera. Ħadd minnhom ma ħenn għaliha. Ħadd ma daħħal idu fil-but u ta munita ta’ 20p. L-attitudni tagħhom hi agħar minn krudili. Indifferenti. Qalb friżata. Bla demm!

Ma rrid nipponta subajja lejn ħadd. Inħares fija nnifsi u nistaqsi jekk jiena wkoll kontx indifferenti għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Bħal fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, meta iltqajt ma nies fil-bżonn, waqaft ngħinhom? Bqejt ma min jibki? Jew qsamt għan-naha l-oħra tat-triq u bqajt għaddej?

Dan huwa t-test tal-fidi. L-Iskrittura tgħidilna, ‘B'dan naslu biex nagħrfu x'inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa’ (1 Ġw 3:16).

Alla ħafirli u laqgħani fi ħdanu minkejja d-dnubiet u l-ħażen tiegħi. Jekk mela Alla kellu ħniena minni tant li bagħat lil Ibnu biex imut fuq salib għall-maħfra ta’ dnbuieti, kif nista’ jien ma nħobbx lil ħaddiehor?  Infatti l-Iskrittura twissina bl-akbar serjetà: ‘Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara 'l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista' l-imħabba t'Alla tgħammar fih?’ (vers 17).

Fil-but għandi l-flus, imma kieku kont fuq dik il-karozza tal-linja, kont ngħinha? Għandi qalb li tħoss u tħobb? Illum se jkolli diversi opportunijiet biex ngħin lill-oħrajn – se jimportani minnhom jew nibqa’ sejjer? Nista’nkun reliġjuż u ngħid kemm irrid li nemmen, imma jekk ma nħobbx jiena għadni m’għaraftx l-imħabba t’Alla. Għadni mifluf. Għadni lsir tal-eġożmu u d-dnub.

Imma jekk tassew doqt l-imħabba ħelwa t’Alla u qalbi hi mġedda mill-Ispirtu s-Santu, allura ma nistax nibqa indifferenti. Jekk Alla kien ħanin miegħi, jien ukoll għandi nħenn għall-oħrajn, u b’hekk nittama li Alla jibqa’ jħenn għalija. Kif jgħidilna l-Imgħallem, ‘Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena’ (Mt 5:3).