Ħsibijiet minn tal-Ibraġġ

Ommi man-neputija Tal-Ibraġġ,
ir-Rabat, Ghawdex. 
Tlajna Għawdex inżuru lil ommi fir-Residenza Sant’ Anna. Din id-dar u l-Isptar Ġenerali huma mibnija fuq qasam tal-art li konna nafuha bħala Tal-Ibraġġ. Fakkart lil ommi kemm kienet toħroġ in-nagħaġ jirgħu hemmhekk ħafna snin ilu. Għalkemm ma tistax tikellem, wiċċha xegħel bit-tifkiriet ta’ dari.

Wara l-ikla ta’ nofsinhar kienet terħilha lejn Tal-Ibraġġ, tpoġġi fuq ġebla taħdem is-suf u tgħid kelma ma’ xi nisa oħra, waqt li n-nagħaġ kienu joqogħdu jieklu l-ħaxix frisk. Kultant xi nagħġa kienet titbiegħed u titlaq għal rasha; ommi kienet tmur warajha u ġġibha lura. X’ħin kien isir il-ħin kienet tgħajtilhom b’isimhom u tmexxihom lura lejn l-irdoss tad-dar. Magħha n-nagħaġ ma kien jonqoshom xejn.

Aħna wkoll, bħan-nagħaġ ta’ ommi, għandna bżonn min imexxina u jitma’ lil ruħna. Għandna bżonn minn iħarisna mill-periklu u jġibna lura meta nagħmlu ta’ rasna u naqbdu triq b’oħra. Aħna wkoll neħtieġu is-sliem u s-sigurtà fost l-inċertezzi u l-biżgħat tal-ħajja.

Hekk jagħmel ir-Ragħaj it-Tajjeb lin-nagħaġ tiegħu. Lilna li smajna leħnu, nemmnu fih u nimxu warajh, il-Mulej jagħtina l-ħajja ta’ dejjem u jħarisna biex ma nintilfux.

Jekk niżbaljaw u nitbiegħdu fix-xagħri tad-dnub, ir-Ragħaj jibqa’ jfittixna sakemm isibna u jġibna lura mal-merħla. Il-Mulej jipprovdielna l-Kelma u l-grazzji tiegħu biex imantni lil ruħna, u fl-aħħar, kif wegħdna, iwassalna għall-kenn ta’ dar il-Missier.

Il-Mulej Ġesù jaf kull wieħed minna personalment. ‘Hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b'isimhom’ (Ġwanni10:3). Xi ħsieb sabiħ dan li meta niltaqa’ miegħu, il-Mulej Ġesù isejjaħli ‘Joe’ u lilek isejjaħlek b’ismek.

Marti fetħet il-Bibbja u bdiet taqra Salm 23. ‘Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni...’ Kif semgħet dan il-kliem ommi bdiet tibki bil-ferħ. Nista’ naħseb x’għadda minn moħħha. Hi taf sew x’inhi l-imħabba tar-ragħaj għan-nagħaġ tiegħu, u b’Ġesù r-Ragħaj tagħha, ommi taf li miegħu ma jonqosha xejn u li fl-għabex ta' ħajjitha hu se jwassalha għall-kenn f’dar il-Missier.