L-Għid ma jgħaddix

Joanne ppreparat ftit ħelu biex it-tifel jagħtihom lil sħabu tal-klassi fl-aħħar ġurnata qabel jibdew il-vaganzi tal-Għid. John qal lil ommu, “Mamà ma nistax nagħtihom lit-tfal għax illum mhux l-Għid.”

“Veru,” qaltlu ommu, “imma għalina kuljum l-Għid,” u kompliet tispjegalu li Ġesù qam mill-mewt u li huwa dejjem ħaj.

Imma John m’għoġbitux l-implikazzjoni ta’ Għid perpetwu! “Mamà allaħares kuljum l-Għid għax kieku żaqqi ssir daqshekk biċ-ċikkulata,” waqt li b’idejh miftuħin urieha żaqqu qisha ta’ mara tqila.

Ma jieħux gost bina l-miżien jekk ta’ spiss nieklu l-figolli u l-bajd tal-Għid, imma għal ruħna jagħmlilna ħafna ġid jekk ngħixu ta’ kuljum fid-dawl tal-qawmien ta’ Ġesù, l-Imgħallem tagħna.

L-ewwelnett, il-qawmien huwa l-garanzija tal-maħfra sħiħa t’Alla. L-Iskrittura tgħallimna li Ġesù ‘ngħata għal dnubietna u kien imqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna’ (Rum 4:25). Alla wera li laqa’ s-sagrifiċċju ta’ Ibnu bi tpattija għal dnubietna billi qajjmu minn bejn l-imwiet. Alla sodisfatt b’dak li għamel Ibnu; ma jistenna xejn aktar biex jiġġustifika lil dawk li jafdaw fih. Ħalli mela ma nħarsu mkien aktar ħlief lejn Kristu biex iħabbibna m’Alla.

It-tieni, fil-qawmien ta’ Kristu insibu l-qawwa biex ngħixu ħielsa mill-ħakma tad-dnub fuqna. ‘Jekk sirna ħaġa waħda miegħu fix-xebh tal-mewt tiegħu, hekk ukoll inkunu fix-xebh tal-qawmien tiegħu’ (Rum 6:5). Il-magħmudija hi s-sinjal tar-rabta tagħna ma’ Kristu fil-mewt, id-difna u l-qawmien. Il-mewt tiegħu hi tagħna wkoll; aħna mittna għad-dnub. Il-qawmien tiegħu huwa l-qawmien tagħna. Ma ngħixux aktar biex naqdu d-dnub imma ma’ Kristu ngħixu għall-glorja t’Alla l-Missier.

Fl-aħħarnett, fil-qawmien ta’ Kristu nsibu t-tama tal-qawmien tagħna fl-aħħar jum. ‘Kristu qam minn bejn l-imwiet u sar l-ewwel frott fost dawk li mietu’ (1 Kor 15:20). Fit-tiġrib, it-tbatija u l-hemm nistgħu nħarsu ‘l fuq lejn is-sema. Hu mar qabilna biex iħejji post għalina. Il-qabar mhux l-aħħar kelma tal-istorja tagħna. Meta jiġi lura Kristu għad isejjħilna għall-qawmien tal-ħajja u jeħodna miegħu.

Kristu qed jgħix! Għalina li nemmnu, l-Għid ma jgħaddi qatt għax għall-maħfra qalbna tistrieħ fi Kristu Rxoxt, miegħu nimxu fit-triq tal-ġustizzja, u fih nittamaw għall-ħajja ta’ dejjem.