Papà, jista’ Ġesù jieħu t-tfal il-Ġenna?


It-tfal jistaqsu mistoqsijiet tqal u jġibuk dahrek mal-ħajt. Dalgħodu John, li issa għalaq 5 snin, staqsieni, ‘Papà, jista’ Ġesù jieħu t-tfal il-Ġenna?’ Ried ifisser, it-tfal jistgħu jmutu?

Għidtlu, ‘Is-soltu Ġesù jħallihom fid-dinja lit-tfal, u meta jikbru u jixjieħu, imbagħad isejħilhom biex imorru ħdejh.’

Ħadt nifs fil-fond u komplejt, ‘Imma kultant Ġesù jieħu ftit tfal il-Ġenna miegħu.’

Ma stajtx ma nkunx onest. Matul is-snin rajt mijiet ta’ trabi li twieldu u kibru b’saħħithom, u kienu l-hena tal-ġenituri tagħhom. Imma rajt ukoll għexieren ta’ trabi u tfal jinqatgħu bħal blanzuni qabel ma warrdu.

Alla jagħtina biżżejjed saħħa u ġid biex nagħfu t-tjieba u l-ħlewwa tiegħu, u ta’ dawn il-barkiet għandna nkunu grati lejh. Fl-istess ħin Alla jippermettilna nduqu wkoll mill-morr biex qalbna ma tintrabatx ma’ did-dinja, biex nitgħallmu nafdaw fih, u biex nixxenqu għall-oħla u l-isbaħ li hu ħejja għalina fid-Dar ta’ hemm fuq.

Il-prova ewlenija tal-imħabba t’Alla huwa s-salib. Alla tana lil Ibnu. Aħjar jew aktar minn hekk ma setax jagħtina. ‘B'dan dehret l-imħabba ta' Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih’ (1 Ġwanni 4:9).

Mhux biss. Alla kapaċi jwettaq fis-sħiħ l-għanijiet tajba tiegħu għal dawk li jħobbuh.  Il-prova tal-qawwa t’Alla huwa l-qabar vojt. Kif qajjem ’l Ibnu Ġesù minn bejn l-imwiet, hekk Alla jqajjem lilna li nemmnu f’ismu għall-ħajja ta’ dejjem. ‘Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu’ (1 Korintin 6:14).

Sakemm jisbaħ dak il-jum, se jibqgħu jiġu fuqna mumenti ta’ dwejjaq u dulur. Imma mhux mingħajr sabar għax nafu li l-Mulej dejjem magħna, u mhux mingħajr tama għax żguri li l-wegħdiet tiegħu ma jfallux. Lanqas mhu se nieħdu l-morr biss. Matul il-vjaġġġ lejn is-sema aħna nibqgħu ngawdu wkoll aktar barkiet ħelwin li Alla jogħġbu jagħtina.

Meta għidltu li t-tfal jistgħu imutu wkoll, John baqa’ jħares lejja serju u ma qal xejn. Għalhekk komplejt jien, ‘Imma naħseb li lilek Ġesù jridek tikber u ssib mara qalbha tajba bħal mamà, tiżżewġu u jkollkom erbat itfal.’

Wiċċu xegħel. ‘Le, mhux erba’ tfal irrid imma one million!’

Nispera li l-Mulej isellifli l-għomor biex ingawdi n-nepputijiet!