Għaliex hu l-Iben t’Alla?

It-tfal żgħar tant għandhom enerġija li ma tħallihomx jikkonċentraw, speċjalment waqt il-ħin tal-homework. It-tifel issa qiegħed fl-ewwel sena tal-Primarja. Issoltu joqgħod m’ommu waqt il-homework, imma meta nkun nista’ noqgħod miegħu jien. Għalija eżerċizzju fil-paċenzja. M’għandux sabar bilqiegħda, il-lapes jaqa’ fl-art għaxar darbiet, u ħsibijietu jiġru minn ħaġa għall-oħra.

F’ħin minnhom, waqt li qed nispellu u niktbu fil-pitazz bir-riġi wiesa’, qalli, “Papà, taf li lil Ġesù nistgħu nsejħulu, Son of God?”

“Bravu, taf għalfejn ngħidulu Son of God?” komplejt miegħu jien.

“Mhux għax għamel is-sun!” weġibni fil-pront.

Tbissimt. Ħawwad il-kelma son ma’ sun. Imma meta qagħadt nirrifletti, naħseb li għandu ftit raġun.

Ġesù hu l-Iben t’Alla għax kif nistqarru fil-Kredu, hu ‘natura waħda mal-Missier li bih sar kollox.’ Ġesù hu tassew Alla, etern, u eżista qabel il-ħolqien. Infatti l-ħolqien sar bih.

L-Iskrittura tgħallimna li mal-Missier, l-Iben huwa l-Ħallieq tal-univers. ‘Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru kull ma sar’ (Ġwanni 1:3); u terġa’, ‘Kollox bih u għalih kien maħluq, hu li hu qabel kollox’ (Kolossin 1:17); u għal darb’ oħra, ‘Int,  Mulej, waqqaft  l-art  fil-bidu, u għemil idejk huma s-smewwiet’ (Lhud 1:10).

Mhux tal-għaġeb li l-Ħallieq ġie fid-dinja li għamel hu stess, biex jifdi lilna, il-ħlejjaq tiegħu? Bħalma kiteb Dun Karm:

   Biex tifdina mill-jasar ewlieni
   Ta’ Missierek l-għamara ħallejt;
   Int li tgħaxxaq is-sema bi ġmielek,
   Taħt suritna fil-faqar inħbejt.

Sfortunatament mhux kulħadd jagħraf min hu Ġesù. ‘Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux’ (Ġwanni 1:10). L-istess għadu jiġri sal-lum. Imma bħalma l-Missier wera lil Pietru li Ġesù hu l-Messija, Bin Alla l-ħaj, hekk ukoll għadu jgħarrafna bl-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu Ibnu l-għażiż.

Jekk nagħrfu lill-Iben t’Alla, ħalli nqimuh bħala l-Ħallieq u s-Sid tagħna, u ħalli nafdaw fih b’qalbna kollha għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Hu li għamel ix-xemx kapaċi wkoll iwassalna fid-Dar tal-Missier.