L-eżami tal-aħħar

Alla ħatar jum li fih għad jagħmel ġudizzju minn kull wieħed u waħda minna skont għemilna.

Dawk li jitilqu minn din id-dinja weħidhom, mingħajr is-Salvatur, m’għandhomx bżonn jistennew sa dakinhar biex ikunu jafu s-sentenza tagħhom. Alla jwissihom fl-Iskrittura li huma diġà kkundannati. “Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġà kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta' Alla” (Ġwanni 3:18).

Dakinhar jinkixef il-ħażen tagħhom u jkunu kkastigati skont għemilhom fl-infern. Fosthom ikun hemm dawk li fi żmienhom kienu jqisu lilhom infushom Nsara imma li kienu baqgħu jgħixu fid-dnub; kienu jgħidu li għandhom il-fidi, imma li ħajjithom kienet xotta mill-opri tajba.

Fuq in-naħa l-oħra l-opri tajba ta’ wlied Alla jagħżluhom mill-bqija tal-umanità. Alla jfaħħarhom quddiem kulħadd u jagħtihom ħlas għal għemilhom, ilkoll skont ma ħaqqhom, u jilqagħhom fil-ferħ tal-Belt eterna.

Dan ma jfissirx li huma se jkunu ġustifikati minħabba għemilhom. Is-sentenza favur tagħhom kienet diġà mogħtija minn żmien qabel, saħansitra meta kienu għadhom ħajjin fuq l-art. “Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi għandna s-sliem ma' Alla, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu” (Rumani 5:1). Jekk tassew nemmnu fi Kristu, nistgħu nserrħu moħħna li “aħna ġġustifikati” minn issa stess fuq il-merti ta’ Kristu.

Huwa veru li anke wlied Alla jiżbaljaw u jidinbu wkoll. Madanakollu Alla kien ħafrilhom dnubiethom matul ħajjithom u wegħdhom li fi "dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarhomxaktar" (Lhud 10:13). Alla mhux se jmur lura minn kelmtu u mhux se jiftakar dnubiethom f’dak il-Jum.

Forsi wieħed jinsisti: huma wkoll ħaqqhom il-kastig għall-ħażen tagħhom. Tassew, imma huma jeħilsu mill-għadab u l-ġudizzju t'Alla għax xi ħadd ieħor ħa l-kastig tagħhom. Alla ma ħafrilhomx għal xejn b’xejn, imma minħabba s-sagrifiċċju ta’ Ibnu fuq is-salib. “Issa li aħna ġġustifikati b'demmu, nsalvaw permezz tiegħu mill-korla ta' Alla!” (Rumani 5:9).

Ulied Alla ma jitwerwrux minn Jum il-Mulej. Mhux il-jum tal-kundanna għal dawk li jemmnu u jħobbu lil Kristu, imma l-jum tal-premjazzjoni, jew aħjar, il-laqgħa tal-għarusa mal-Maħbub tagħha. Infatti l-knisja titlobu, “Ejja, Mulej Ġesù!” u tisenna bil-ħerqa li jwettaq il-wegħda tiegħu, “Iva, jien dalwaqt ġej!” (Apokalissi 22:20).