Ġustifikati bil-Fidi

Irrakkontajt lit-tfal meta kont għadni ġuvni ta' 15-il sena u tellawni l-qorti għax soqt mutur tal-ħart fit-triq bla liċenzja (u bla permess ta' missieri). Għajnejn it-tfal daru fid-dmugħ meta semgħu li kont misjub ħati u ikkundannat.

Mhix esperjenza sabiħa! Imma kemm ikun agħar jekk nidher quddiem l-Imħallef il-Kbir, u jikkundannani!

Ħadd ma jħabbel wisq rasu dwar sentenza fil-qorti sakemm ma jkunx huwa stess l-akkużat. Forsi s'issa ma tantx interessajt ruħek x'tgħallem il-Bibbja fuq "il-ġustifikazzjoni" għax qatt ma ħsibt bis-serjetà li Alla jagħti ġudizzju fuqek - ġudizzju favur jew kontra tiegħek.

Lil dawk li ma jemmnux fi Kristu, l-Iskrittura twissihom li huma diġà kkundannati (Ġwanni 3:18). Ikkundannati għax ilkoll ksirna l-liġi t'Alla, u mingħajr Kristu m'hemmx maħfra.

Mill-banda l-oħra il-Bibbja tħabbar bil-ferħ li Alla jiġġustifika lil dawk li jemmnu f'Ibnu. Alla diġà qata' s-sentenza favur tagħhom. L-Imħallef jiddikjarahom ġusti u jeħlishom minn kull kastig.

Kif jista' Alla jasal għal sentenza bħal din, nistaqsu, peress li kull wieħed minna kiser il-liġi tiegħu, anki dawk li jemmnu f'Ġesù?

L-Appostlu Pawlu jwieġeb hekk: "Aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi" (Rumani 3:28).

L-ewwelnett huwa ċar li Alla ma jiġġustifikanhiex għax obdejna l-liġi, għax fil-fatt ma obdejnihiex. Għalhekk qal li "i-bniedem ikun iġġustifikati ... mingħajr l-opri tal-Liġi." Kieku kellu jiġġudikana fuq il-bażi tal-imġieba tagħna, ħadd minna ma kien jeħlisa ħafif. “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jista' jżomm sħiħ?” (Salmi 130:4).

Imma Alla sab mezz ieħor. Alla jiġġustifikana "bil-fidi" f'Ibnu. Kristu patta għad-diżubbidjenza tagħna bl-ubbidjenza perfetta tiegħu li waslitu sas-salib. Il-kastig li kien jixraq lilna ħadu hu minflokna. B'hekk Alla jista' ġustament jeħlisna mill-kastig - f'kelma waħda, jiġġustifikana - minħabba s-sagrifiċċju ta' Ibnu bi tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. Bħalma jgħid f'post ieħor, "aħna ġġustifikati b'demmu" (Rumani 5:9).

Tista' sserraħ moħħok li inti ġustifikat bil-fidi jekk armejt kull fiduċja fil-ħila, il-mertu u l-opri tiegħek, u jekk qed tħares biss lejn il-Mulej Ġesù Kristu. Id-demm li xerred fuq is-salib inaddfrek minn kull dnub. Għalhekk l-Imħallef Ġust jaqta' s-sentenza favur tiegħek li temmen fi Kristu, u jagħtik il-ħelsien.