L-iskop ta' ħajti

1. X’inhu l-iskop ta’ ħajti?

Li nħobb u li nkun maħbub. Mhux biss li jkolli il-flus, nagħmel suċċess u li nkun b’saħħti. Aktar importanti hi l-imħabba. Doqt l-imħabba ħelwa tal-familja u l-ħbieb. Imma mhux biżżejjed. Irrid aktar minn hekk. F’qalbi hemm spazju infinit li ma jistax jimtela’ ħlief bl-imħabba tal-Ħallieq tiegħi. Mulej, jien kont maħluq għalik, u ruħi ma ssibx mistrieħ ħlief biss fik.

2. Xi jżommni ‘l bogħod mill-imħabba t’Alla?

Id-dnub. Naf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, imma mhux dejjem għażilt it-tajjeb. Naf il-liġi t’Alla imma mhux dejjem obdejtha. Naf ir-rieda t’Alla imma sikwit għidtlu le. Għidt le lil Alla li ħalaqni u qed iżommni ħaj. Sfidajtu. Offendejtu. Jien ħati. Id-dnub firidni minnu!

3. Kif nista’ nesperjenza l-imħabba tal-Missier?

Permezz ta’ Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, li ġie fid-dinja biex iħabbibni m’Alla. Kif qal hu stess: Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja; ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief bija. Ħu li m’għamel ebda dnub, tgħabba bid-dnubieti u sallabhom mas-salib. Ħelisni minnhom, naddafni u daħħalni fil-familja t’Alla Missieru.

4. Kif naf li dnubieti maħfura?

Għax nafda b’qalbi kollha fi Kristu, u f’ħadd u f’xejn iżjed. Hu żgur iżomm il-wegħda tiegħu li fi dnubieti ma jiftakarx aktar. Naf ukoll għax tani qalb ġdida, nobgħod il-ħażen, inħobb il-liġi tiegħu, inħobb lil proxxmu u fuq kollox, inħobb tassew ‘l Alla. Naf fi żgur li dnubieti maħfura għax permezz tal-Ispirtu jien ingawdi ħbiberija m’Alla u għandi l-paċi tiegħu f’qalbi.

STEDINA

Minn qalbi nistiednek tniżżel il-ktejjeb LEJN IL-MISSIER f'format pdf (link) jew ibgħatli ismek u l-indirizz (b'sms 79551446 jew b'email josephmizzi@onvol.net) għal kopja stampata b'xejn bil-posta.

LEJN IL-MISSIER joffrilek opportunità biex tqis dawn il-mistoqsijiet kruċjali fid-dawl tal-Iskrittura:

• X’inhu u kif nista’ nilħaq l-iskop ta’ ħajti?
• Għaliex għandi bżonn lil Ġesù?
• Għalfejn miet fuq is-salib?
• Tassew li qam mill-mewt?
• Kif nista’ nsir sewwa m’Alla u nesperjenza t-tjieba u l-ħlewwa tiegħu?

Miktub bi stil mexxej, dan il-ktejjeb huwa gwida ċara fIl-mixja mis-solitudni u l-ħtija għall-ferħ u l-imħabba t’Alla l-Missier.