O Alla, kun ħanin miegħi, midneb!

Żewġ irġiel telgħu t-tempju jitolbu. Meta marru lura d-dar wieħed minnhom kien ġustifikat – sewwa m’Alla – filwaqt li l-ieħor baqa’ ħati bħalma kien fil-bidu (avolja kien mingħalih li hu tajjeb).

Ta’ min nistaqsi, ‘Jien ġustifikat? Jien sewwa m’Alla?’ Wara kollox, is-sabiħ u l-ikrah ta’ din il-ħajja jgħaddu bħal żiffa riħ; wisq aktar importanti li nkunu paċi m’Alla għax il-ferħ li jagħtina jibqa’ għal dejjem.

Ġesù jirrakkonta l-istorja tal-Fariżew u l-pubblikan (Luqa 18:9-14) biex l-ewwelnett nevitaw l-isqaq li jsibu ruħhom fih ħafna nies reliġjużi li ma jwassal għal imkien; jgħidilna wkoll kif insibu t-triq li twassalna għall-ħajja.

X’kienet il-problema tal-Fariżew? Dan kien raġel reliġjuż, rispettat minn kulħadd, josserva l-liġi b’reqqa, jaħrab id-dnub, isum u jagħti karità. M’hemmx xi ngħidu dawn il-ħwejjeġ huma kollha tajbin. Għaliex mela baqa’ mhux ġustifikat quddiem Alla?

Il-problema ewlenija kienet il- kburija. Mar quddiem Alla jiftaħar b’rixu, u jekk ma tridx, jitkaża b’ħaddieħor ukoll. Taparsi mar jitlob, imma fil-fatt lil Alla ma talbu xejn. Ma talbux maħfra. Ma talbux ħniena. Ma kellux bżonnhom! F’moħħu kien jaħseb li hu tajjeb. Kien jafda fih innifsu li hu ġust. Imma għal Alla, li jifli sal-ġewwieni tal-qalb, dan ir-raġel kien midneb u ħati. Ir-reliġjon kienet għamietu għar-realtà ta’ dak li tassew kien u żammitu milli jafda f’Alla għall-ġustifikazzjoni.

Ara l-ieħor, il-pubblikan, mar b’attitudni għal kollox differenti. Kien midneb ukoll, u ma pprovax jaħbi xejn minn Alla. B’umiltà ġenwina baqa’ fuq wara għax kien jaf li mhux denju. Talab b’għajnejh baxxuti lejn l-art bil-mistħija waqt li jagħti fuq sidru bid-dispjaċir li kien qed iħoss, ‘O Alla,kun ħanin miegħi, midneb!’

Ma ħarisx fih innifsu jew lejn l-opri li għamel, imma ħares ‘l hemm minnu, ħares ‘il fuq lejn Alla li kontra tiegħu kien dineb. Ħares lejn Alla għax jekk xi ħadd setgħa jaħfirlu kien hu. Stqarr li hu midneb, li kiser il-liġi t’Alla, u allura kien ħati u ħaqqu l-kundanna. Imma fl-istess waqt appella għall-ħniena t’Alla; talbu jeħilsu mill-ħtija u l-kastig li kien ħaqqu, u biex minflok juri tjieba miegħu. Alla, li hu għani fil-ħniena, ġġustifikah! Ħelsu minn kull ħtija u laqgħu fi ħdanu.

Huwa minnu li d-dnub iżommna ‘l bogħod minn Alla forsi minħabba l-mistħija jew disprament li nħossu. Imma m’għandux ikun hekk. Jekk nammettu ħtijietna u nersqu b’qalb sobgħiena, Alla jaħfrilna. Huwa minnu wkoll li r-reliġjożità tista’ żżommnu ‘l bogħod minn Alla! Huwa dejjem sew li nagħmlu t-tajjeb, imma jkun żball fatali li nafdaw fina nfusna u f’dak li nagħmlu għall-ġustifikazzjoni. Il-fiduċja u l-ftaħir tagħna għandhom ikunu biss f’Alla li minħabba s-saġrifiċċju ta’ Ibnu fuq is-salib jiġġustifika lil dawk kollha li jersqu għandu b’qalb niedma u b’fiduċja fih.

Biex inwieġbu l-mistoqsija, ‘Jien sewwa m’Alla?’ – irridu nistaqsu mistoqsija oħra: ‘Fejn qed inħares? Lejja nnifsi u l-għemejjel t’idejja, jew qed inħares ‘l hemm minni, lejn Alla, u lejn l-opra ta’ Kristu fuq is-salib?’