X’ifisser is-salib?

Ġesù biss iħabbeb il-midneb m’Alla. Hu waħdu s-Salvatur.

Imma kif, b'liema mezz ġab ir-rikonċiljazzjoni? It-tweġiba tal-Iskrittura hi sorprendenti: "Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b'demmu, nsalvaw permezz tiegħu mill-korla t'Alla!" (Rumani 5:8-9).

Ħalli niffokaw fuq il-frażi ‘ġġustifikati b'demmu’. Il-Bibbja ssejjaħ ‘ġustifikati’ lil dawk li jemmnu fi Kristu, jiġifieri Alla jgħoddhom bħala ġusti u jeħlishom mill-kundanna. Din hi l-Aħbar it-Tajba!

Kif jista’ Alla jqis lill-Insara ġusti ladarba mhumiex bla ħtija? Bħall-bnedmin kollha, min jaf kemm-il darba jiksru il-liġi t’Alla! Madankollu, minkejja li jibqgħu jiżbaljaw, Alla jiddikjarahom ġusti u jeħlishom minn kull kastig. Ladarba kisru l-liġi, ma kienx messu Alla jikkundannhom u jikkastigahom? Mhux hekk għandu jagħmel Alla biex ikun tassew Imħallef ġust u rett?

Mhux biss, meta jgħid li ‘aħna ġġustifikati b’demmu’, l-Iskrittura qed tirreferi għall-Iben t’Alla li ċarċar demmu fuq is-salib. Il-mistoqsija tiġi weħidha. Ladarba Ġesù kien bla dnub, innoċenti, ġust u qaddis, għaliex kellu jmut? Il-ġustizzja tiddomanda l-ħelsien tiegħu mhux il-kastig. Żgur ma kienx ħaqqu li jkun ikkundannat għall-mewt!

Ma nistgħux ngħidu li l-mewt ta’ Ġesù kienet aċċidentali, jew li kienet biss delitt inġust imwettaq mill-għedewwa tiegħu. L-Iskrittura taħsadna meta tgħidilna li l-Mulej għoġbu jgħakksu, u kif Alla telqu f’idejn il-Lhud skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel. (Isaija 53:10; Atti 2:23). Alla l-Missier seta’ jeħles lil Ibnu, imma ma ħelsux. Infatti Alla kien ippjana minn qabel il-mewt ta’ Ibnu u bagħtu fid-dinja apposta biex iwettaq dan l-għan. Il-Missier bagħat ‘l Ibnu biex imut. B'referenza għas-salib, Ġesù qal, Jien għalhekk ġejt, għal din is-siegħa.

Għaliex mela miet il-Ġust? X’kienet il-ħtija li ġarr fuq spallejh? Tiegħu? Le! Żgur li le, għax Ġesù qatt m’għamel l-iċken dnub. Id-dnubiet ta’ min, mela, wassluh għall-mewt?

Ġesù miet bi tpattija għad-dnubiet ta’ ħaddieħor. Hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa' l-kastig fuqu ... Il-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu. Dawk li jemmnu fih, għalkemm kisru l-liġi, huma meqjusa ġusti minn Alla għax il-Feddej tagħhom ħa l-kastig li kien ħaqqhom huma. Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla. (Isaija 53:5, 11; 1 Pietru 3:18).

Mhux ta’ b’xejn l-Iskrittura tgħid li dawk kollha li jemmnu fih huma ġġustifikati b’demmu. Bid-dnub mneħħi min-nofs, m’hemm xejn aktar x’iżommhom milli jiġru bil-ferħ biex ikunu milqugħa fi ħdan il-Missier.

Iftaħli għajnejja, o Alla, biex nifhem is-sinifikat tas-salib. Nammetti l-ħtija tiegħi u nagħraf li Ġesù m’għamel xejn ħażin. Kont inti, o Alla, li tfajt fuqu l-ħażen tal-poplu tiegħek biex ipatti għalihom darba għal dejjem fuq is-salib. Tgħoddx ħtijieti kontrija; għoddni ġust f’ġieħ is-sagrifiċċju ta’ Ibnek il-Maħbub.