Jien Nagħżel il-Ħajja

 

Aħna l-bnedmin għandna l-privileġġ uniku li konna maħluqin “fix-xbieha t’Alla.” Ilkoll nġorru fina l-immaġini tal-Ħallieq tagħna!

Għaldaqstant aħna missna nirrispettaw lil xulxin. Dan huwa l-mod ewlieni kif inħobbu ‘l Alla li ma narawx – billi nħobbu lill-bnedmin li naraw, maħluqin fuq xbieha tiegħu.

Mhux biss. Jien nirrabja u nieħu fastidju jekk xi ħadd jaqbad ritratt ta’ marti, jobżoq fuqu u jqattgħu biċċiet. Hekk ukoll, jekk xi ħadd jittratta ħażin bniedem ieħor, jagħmillu l-ħsara jew saħansitra joqtlu, Alla jqis għaġir bħal dan bħala sfida kontra tiegħu!

Jekk mela aħna nħobbu Alla irridu nkunu wkoll favur il-ħajja umana - mill-bidu sa tmiemha, mill-konċepiment sal-mewt naturali.

X’ifisser tkun favur il-ħajja? L-ewwelnett li tgawdi d-don tal-ħajja mogħti lilek mill-Mulej. Minkejja li l-inkwiet u t-tbatijiet ma jonqsux f’din id-dinja, ejja nitgħallmu nifirħu b’dak kollu li hu sabiħ u tajjeb, u b’radd il-ħajr lil Alla.

Jeħtieġ li naħsbu f’ħaddieħor ukoll. Inkunu favur il-ħajja jekk nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nħarsu u nipproteġu l-ħajja ta’ bnedmin oħra, u nagħtu daqqa t’id u ngħinu lil proxxmu tagħna.

Ejja niftħu għajnejna u naraw f’xulxin ix-xbieha sabiħa ta’ Dak li ħalaqna. Ejja nwarrbu kull preġudizzju. Qabel xejn aħna bnedmin - irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, nazzjonalità, status soċjali, livell edukattiv, età, diżabilità, kulur politiku, kondotta, karattru, orjentazzjoni sesswali, reliġjon u kull kategorija oħra li tista’ taħseb fija.

Int bniedem, u għax bniedem, jien irrid nirrispettak u nħobbok, għax b’hekk inkun nħobb u nagħti ġieħ ‘l Alla, il-ħallieq tagħna.

Dan jgħodd għal kulħadd, imma b’mod partikolari, għal dawk fostna li huma l-aktar ċkejkna, dgħajfa u dipendenti. Ejja niddefendu t-tarbija f’ġuf ommha! Għalkemm mistura, diġà tidher fiha l-immaġini ta’ dak li qed isawwarha u jinsiġha b’tant sengħa u mħabba.

* * *

Nixtieq noffrilek dan il-ktejjeb b'xejn.