X’irid minna Alla?


Ir-rieda t’Alla mhix moħbija. Il-profeta Mikea jistaqsi, “Uriek, o bniedem, x’inhu tajjeb; u x’jitlob minnek il-Mulej ħlief li tagħmel biss is-sewwa, u tħobb it-tjieba, u timxi bl-umiltà m’Alla tiegħek?” (Mikea 6:8).

Alla jrid li wliedu jagħmlu s-sewwa – dak li hu ġust, tajjeb u konformi mal-liġi tiegħu. Il-Kristjan iħobb il-Kelma t’Alla. Jaqraha, jimmedita fuqha u jismagħha b’attenzjoni - mhux biss biex jifhem u jitgħallem, imma biex iwettaqha u jobdiha mill-qalb. Alla jridna ‘nagħmlu’ s-sewwa! Alla jitgħaxxaq b’uliedu meta jobduh minkejja l-ġibda naturali għad-dnub u t-tentazzjonijiet u t-tlellix tad-dinja madwarhom.

Alla jrid ukoll li nħobbu t-tjieba. L-Insara għandhom juru ħniena bħalma huma rċevew ħniena. Minflok il-kundanna li kien ħaqqhom, Alla ġġustifikahom permezz tad-demm ta’ Kristu, u laqagħhom fi ħdanu. Minkejja li jibqgħu jiżbaljaw u joffenduh, Alla jibqa’ ħanin magħhom u ta' kuljum jibqa' jaħfrilhom. Hekk mela, ulied Alla għandhom juru sabar ma’ kulħadd, ħniena u ħlewwa, u jaħfru lil xulxin mill-qalb. Il-ħniena hi l-marka li tiddistingwihom minn dawk li ma jafux ’l Alla. Dan ikun evidenti fl-aħħar jum: Kont bil-ġuħ u tmajtuni, bil-għatx u sqejtuni, barrani u lqajtuni. għarwien u libbistuni: marid u żortuni: fil-ħabs u ġejtu tarawni.

Fl-aħħar u mhux lanqas, Alla jridna nimxu miegħu bl-umiltà. In-Nisrani hu konxju mix-xejn u d-dgħufija tiegħu, u ta’ kuljum jinżel għarkopptejh f’riġlejn Alla jitolbu jaħfirlu. In-Nisrani għaraf ukoll xi ħaġa mill-kobor bla tarf u l-maestà t’Alla qaddis. In-Nisrani m’għandu ebda interess li jmexxi ’l quddiem l-agenda tiegħu, imma jixtieq biss jaħdem għas-saltna t’Alla u l-glorja tiegħu, bħalma qal Ġwanni l-għammiedi, "Hu jeħtieġ jikber, jien jeħtieġ nonqos!" L-ambizzjoni tiegħu hi waħda, li jgħix fil-preżenza t’Alla – Coram Deo, kif kienu jgħidu ta’ qabilna – biex jisma’ leħnu, jobdih, igawdih u jigglorifikah.

Dan mela jrid minna Alla l-Missier: li nagħmlu biss is-sewwa, li nħobbu t-tjieba u nimxu b’umiltà m’Alla tagħna.