Nagħtikom is-Sliem Tiegħi

Il-paċi li jagħtina Kristu hi ġenwina u tibqa’; il-paċi tad-dinja hi superfiċjali u ma sservix.

Ġesù ma ġiex fid-dinja biex iġib paċi politika bejn il-ġnus. Minkejja l-isforzi kollha l-bnedmin jibqgħu ma jsibux paċi dejjiema bejniethom. Id-dinja li tiċħad lil Prinċep tal-paċi hi destinata li tgħix mingħajr paċi. Ġwerer kien hawn, gwerer hawn issa, u ġwerer se jibqa’ jkun hawn sal-aħħar. Ibda bil-ġlied bejn il-membri tal-istess familja u spiċċa fil-gwerer bejn il-ġnus, il-konflitti mhux se jonqsu sakemm f’qalb il-bniedem jibqgħu jirrenjaw il-ħażen, l-għira u l-mibgħeda.

Id-dixxipli ta’ Kristu m’humiex esenti minn dan l-inkwiet. Sikwit jinqabdu fil-ġlied madwarhom għalkemm huma jagħmlu minn kollox biex jgħixu fil-paċi ma kulħadd. Mhux biss, huma jlaqqtu fuq rashom aktar minn ħaddieħor minħabba l-lealtà tagħhom lejn Kristu. Hekk kif id-dinja ma laqgħetx ‘l Iben t’Alla meta ġie fostna, l-istess tagħmel lid-dixxipli tiegħu. Avolja m’għamel xejn għajr ġid lil għajru, Kristu kien mwarrab u mibgħub mid-dinja għax hu kien jixhed kontra l-ħażen tagħha. Id-dixxipli tiegħu, ladarba jġorru ismu, m’għandhomx jistennew trattament aħjar. Il-paċi li jagħtihom Kristu żgur mhix xalata fuq din l-art avversarja u opposta għalih.

X’inhi mela l-paċi li jagħti Kristu? Qabel xejn il-Mulej Ġesù ġie biex iħabbeb il-bnedmin mal-Ħallieq. Minħabba d-dnub il-bniedem hu għadu t’Alla, filwaqt li Alla hu mgħaddab għall-ħażen tal-bniedem. Ġesù ġab rikonċiljazzjoni bil-mewt fuq is-salib. Dawk kollha li jemmnu fih huma ġustifikati, sewwa m’Alla, u għalhekk igawdu l-paċi miegħu.

Minbarra s-sliem ma’ Alla, il-Mulej Ġesù jagħti wkoll lid-dixxipli tiegħu is-sliem ta’ Alla. Ġesù jgħallimhom jibdlu l-ansjetà u l-inkwiet f’talb u f’fiduċja f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li għandu kontroll perfett ta’ kollox, u fuq kollox li jħobbhom daqs il-mimmi t’għajnejh. Għalfejn għadhom jinkwetaw meta jafu li għandhom lil dan Alla jieħu ħsiebhom? Tassew, Alla mhux dejjem jikkalma l-maltempata madwarhom, imma hu kapaċi jikkalma qalbhom u moħħhom bil-paċi li tisboq kull dehen.

Id-dixxipli jserrħu moħħhom ukoll għax ma jibżgħux mill-futur. Mhux għax jafu x’se jiġri għada, imma jafu li għada huwa f’idejn Alla sovran li ħadd u xejn ma jista’ jdawwar ir-rieda u l-pjan etern tiegħu. Huma żguri li l-Mulej iżomm il-wegħdi tiegħu. Qalihom li jerġa’ jiġi u jeħodhom fid-Dar tla-Missier. L-aħħar kapitlu hu felici għax il-Mulej Ġesù se jwassalhom fis-sliem etern ta’ Ġerusalem tas-sema.