Il-Bieb tal-Ħniena

Matul il-Ġublew tal-Ħniena, il-Kattoliċi jistgħu jirċievu indulġenza billi, fost mezzi oħra, jagħmlu pelleġrinaġġ lejn il-Bieb tal-Ħniena miftuħ f’Ruma jew il-katidrali u knejjes oħra stabbiliti fid-djoċesi.

X’inhi eżattament indulġenza? ‘L-indulġenza hi l-maħra quddiem Alla tal-piena taż-żmien li kienet tistħoqq minħabba dnubiet li tagħhom ġa tħassret il-ħtija’ (Il-Katekiżmu, 1471). Skont it-tagħlim Kattoliku, anke wara li jinħafer id-dnub permezz tal-qrar, xorta waħda tibqa’ piena li wieħed irid jiskonta permezz ta’ penitenzi u mezzi oħra f’din id-dinja jew permezz tas-soffernzi fil-purgatorju. Altrimenti ma jkunx lest biex jidħol fil-preżenza qaddisa t’Alla fil-Ġenna. Fl-għoti tal-indulġenzi, il-knisja taħfer din il-piena.

L-Iskrittura tgħallima wisq dwar il-ħniena li Alla juri mal-midneb permezz tal-fidwa f’Ibnu Ġesù Kristu. Alla jaħfer id-dnubiet ta’ dawk kollha li jduru lejh u jafdaw f’Ibnu. Alla jaħfer fis-sħiħ għax il-ġustizzja t’Alla hi sodisfatta bis-salib ta’ Kristu.

Ulied Alla jifhmu li Missierhom kultant iħallihom jduqu l-konsegwenzi morra tad-dnub biex iqaddishom. Aktar minn hekk huma jqisuh id-dmir u l-privileġġ kbir tagħhom, ladarba rċivew ħniena hekk kbira, li jgħixu ħajja ġusta u mimlija għemejjel tajba għall-glorja t’Alla. Dan ma jagħmlux bi tpattija għad-dnub imma sforz mħabbithom lejn Alla li jħobbhom tant! Għat-tpattija huma jħarsu biss lejn is-salib tal-Kalvarju.

Għal ulied Alla l-bieb tal-ħniena huwa biss Ġesù Kristu. ‘Jiena hu l-bieb,’ qal Ġesù, ‘jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva’ (Ġw 10:9). Kristu jwiegħed is-salvazzjoni lil dawk kollha li jemmnu fih. Inutli tgħaddi mill-bibieb ta’ kull katidral li hawn fid-dinja jekk ma temminx fi Kristu; imma jekk temmen m’għandek bżonn tgħaddi minn ebda bieb ieħor.

X’jiswew l-indulġenzi ladarba d-dnub huwa maħfur – jekk tabilħaqq nemmnu li Alla l-Missier jaħfer tassew, u li d-demm ta’ Kristu jnaddafna minn kull dnub? Ġesù huwa l-Bieb tal-Ħniena: ejjew nidħlu minnu billi b'qalbna kollha nemmnu fih!