Ras is-serp misħuqa

Ix-xbieha tal-mara b’ras is-serp misħuqa taħt riġlejjha hi mnebbħa minn vers fil-ktieb tal-Ġenesi kif jidher fil-Vugata, it-traduzzjoni Latina tal-Iskrittura.

Fil-verżjoni Maltija naqraw hekk: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu” (Ġenesi 3:15, Għaqda Biblika Maltija).

Ninnotaw li skont din it-traduzzjoni, mhux il-mara imma hu, jiġifieri n-nisel tal-mara, kellu jisħaq ras is-serp. Dan jaqbel ma’ verżjonijiet oħra, u aktar importanti, mat-test Lhudi tal-Iskrittura. Anke l-edizzjoni tal-Vulgata kif tidher fit-sit elettroniku tal-Vatikan tirrevedi l-verżjoni antika u tgħid li nisel il-mara jirfes ras is-serp.

Dan il-passaġġ hu magħruf bħala l-proto-evanġelju, l-ewwel tħabbira tal-Bxara t-Tajba.

Il-ġwerra

Is-serp qarraq b’Eva, u l-ewwel ġenituri tagħna waqgħu fid-dnub. Forsi x-xitan ħaseb li b’hekk kien ħassar il-ħolqien sabiħ t’Alla darba għal dejjem, u li kien issiġġilla t-telfien tal-umanità kollha.

Malajr intervjena Alla b’dikjarazzjoni ta’ gwerra kontrih. Ix-xitan u nislu kellhom ikunu maqbudin f’konflitt kontra l-mara u nisilha. Nisel il-mara huwa Ġesù, imwieled mill-verġni Marija, li ġie biex jeqred l-għemejjel tax-xitan.

Il-battalja deċiżiva seħħet fuq il-Kalvarju. Hemmhekk ix-xitan fiera lil Kristu f’għarqubu. F’dik is-siegħa mudlama Kristu kien tradut, maħqur u msallab. Imma l-ferita ma damitx wisq ma fieqet. Fit-tielet jum il-Mulej Ġesù qam rebbieħ fuq id-dnub, il-mewt u x-xitan.

Fl-istess taqbida x-xitan ħa d-daqqa mortali. Arma waħda kellu li biha seta’ jkaxkar lil kulħadd fl-infern: l-akkuża tad-dnub. Sakemm kellu fuqu il-ħtija, il-bniedem kien skjav ta’ Satana. Imma bis-sagrifiċċju fuq is-salib Kristu patta għad-dnubiet tal-poplu tiegħu u b’hekk kisbilhom il-ħelsien. L-għadu tagħhom kien żarmat u ma jistax jakkużahom iżjed. Kristu saħaq ras is-serp.

Ir-rebħa

Ix-xitan għadu jferfer imma mhux għal wisq żmien. Hu għad jitwaddab fl-infern fil-belliegħa tan-nar. L-Iskrittura tagħmel kuraġġ lill-Insara, “Alla tas-sliem ma jdumx ma jisħaq taħt riġlejkom lil Satana” (Rumani 16:20). Ir-rebħa ta’ Kristu hi wkoll ir-rebħa tagħna li nafdaw fih.

L-ewwel mara, Eva, tat widen għall-gidba tas-serp. Ma jagħmlux bħalha wlied Alla. Il-Mulej jagħtihom qalb ġdida biex bħal Marija jwieġbu b’ubbidjenza għal Kelmet Alla, “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" (Luqa 1:38).

Mhux biss, huma jagħrfu li Alla kien ippjana minn qabel il-fidwa tagħhom permezz tas-soffernzi ta’ Ibnu, “hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna” (Isaija 53:5). L-attakk tas-serp fuq nisel il-mara serva għall-ħelsien tagħhom.

Glorja ‘l Alla għal din l-istampa trijonfanti li tpinġilna l-Iskrittura ta’ Kristu jisħaq ras is-serp taħt riġlejh. Ħa nroddu ħajr u nfaħħru 'l Alla għat-tama u r-rebħa li għandna fih.