Kollox mitmum!

Ftit mumenti qabel radd ruħu, il-Mulej Ġesù qal: ‘Kollox mitmum!’ (Ġwanni 19:30). X’ried ifisser b’din il-kelma? Ġesù ma riedx jgħid sempliċiment li l-ħajja tiegħu kienet waslet fi tmiemha, imma li kien laħaq l-iskop li għalih ġie fid-dinja.

‘Kollox mitmum’ hi għajta trijonfanti, bħal gwerrier li wara li jkun issielet, fl-aħħar jgħajjat, ‘Vittorja!’ jew bħall-artist li meta jlesti l-kapolavur tiegħu, jħares lejn il-pittura u jgħid, ‘Sabiħa!’ Hekk ukoll, wara li wettaq fis-sħiħ l-missjoni li fdalu l-Missier, Ġesù iddikjara, ‘Kollox mitmum!’

Għalhekk l-Iskrittura tgħidilna li Kristu, “wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta' Alla” (Lhud 10:12). L-Iskrittura ma tgħidx li Kristu qed joffri, imma li offra, azzjoni li seħħet fil-passat. Infatti Ġesù qagħad bilqiegħda fis-sema għax is-sagrifiċċju hu diġà offrut darba għal dejjem fuq is-salib.

Minħabba f’dan is-sagrifiċċju Alla l-Missier jaħfer id-dnubiet tal-poplu tiegħu. ‘Fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar’ (Lhud 10:17). Alla żgur iżomm il-wegħda tiegħu; il-poplu tiegħu huma għal dejjem maħfurin.

X’ngħidu mela? Jeħtieġ li jsiru aktar offerti għad-dnubiet? Hemm bżonn nagħmel xi penitenzi jien, inġedded is-saġrifiċċju ta’ Kristu, jew inbati fil-purgatorju biex nitnaddaf minn dnubieti? Il-Bibbja twieġeb ċar: ‘Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet’ (Lhud 10:18). M’hemmx bżonn aktar offerti, u Alla ma jilqax aktar offerti, għax is-saġrifiċċju perfett ta' Kristu huwa biżżejjed u effettiv.

Kollox mitmum! Temminha din il-kelma ta’ Kristu? Qed tafda fih u fis-sagrifiċċju tiegħu biss għall-maħfra sħiħa ta’ dnubietek?

Mulej, semmagħlna l-eku tal-għajta trijonfanti tiegħek. Inti wettaqt ir-rieda tal-Missier sal-aħħar nifs ta’ ħajtek. Bl-ubbidjenza perfetta li waslitek sas-salib, inti ksibt il-fidwa sħiħa tagħna. Mhux f’għemil idejna, imma biss fis-sagrifiċċju waħdieni tiegħek nafdaw għall-maħfra ta’ dnubietna. Ammen.