X'iridu l-Maltin?

Aktar minn kollox Malta teħtieġ l-evanġelju. L-interess politiku huwa straordinarju. Kieku jaħasra il-Maltin juru kwart tal-interess f’Alla inkunu l-aktar pajjiż spiritwali fid-dinja. Imma le, il-Maltin jaduraw alla ieħor: il-flus u l-materjaliżmu.

Jgħidu li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Iridu li jiżdiedu l-pagi u l-pensjonijiet, u jitnaqqsu l-kontijiet u t-taxxi. Imbagħad ma jkun jonqosna xejn! Intejbu l-ekonomija u nsibu ruħna fil-genna tal-art, mhux hekk? Hekk jaħsbu ħafna Maltin, u l-oħrajn li ma jaħsbux, jassumu li hu hekk ukoll. Min għandu jrid iktar u isbaħ (speċjalment isbaħ minn tan-neighbour). Min m’għandux wisq, joħlom u jistinka biex ikollu. Il-Maltin qed ifittxu s-salvazzjoni u l-ħajja fil-karti tal-ewro. Il-flus huma fiċ-ċentru tal-qalb ta’ ħafna Maltin; Alla huwa mwarrab fil-ġenb.

X’għandu jkun ir-rispons tagħna l-Insara? Ejja ma ninġarrux mill-kurrent bħall-bqija tal-Maltin. Aħna dorna mill-idoli – mhux l-istatwi tal-qaddisin biss imma mill-mentalità materjalista - biex inservu u nqimu ‘l Alla ħaj u veru. Ħalli ma mmorrux lura min fejn ġejna.

Irridu naħdmu biex ngħixu, iva. Imma irridu ngħixu mhux biex nieklu u niffangaw fil-pjaċiri tad-dinja, iżda biex inwettqu l-missjoni li Kristu fada lilna l-knisja tiegħu. Morru mela, qalilna, fid-dinja kollha - iva, f’Malta wkoll, f’Ħal Luqa, fl-Imsida, il-Kottonera, in-Naxxar, H’Attard, ir-Rabat Għawdex, u f’kull għorfa u f’kull rokna ta’ pajjiżna, biex inħabbru l-evanġelju lil kull maħluq.

Il-politiċi ġennew nażżjon b’wegħdi ta’ aktar flus u ġid; imma aħna għandna x’noffru ġid li ma jinsteraqx u ma jitħassarx. Huma jfittxu l-ħobż li jintemm, aħna għandna x’noffru l-Ħobż tal-ħajja li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja eterna. Sidna bagħtna f’salib it-toroq nistiednu lil kulħadd għall-festa tiegħu. L-iktar li jistgħu jwiegħdu l-politiċi hu ħelsien mill-faqar u l-inġustiżżji – u dan hu tajjeb. Iżda l-akbar problema tal-bniedem huwa l-faqar spiritwali u d-dejn li għandu m’Alla. Wara kollox jekk bniedem jakkwista d-dinja kollha, x’jiswa’, għiduli, jekk imbagħad jitlef ruħu?

Aħna nistgħu noffru l-ħelsien tassew - mid-dnub, mill-frugħa, mill-kundanna. Aħna għandna x’noffru l-maħfra, ħajja bis-sens u l-ferħ tal-Mulej. Jekk tassew inħobbu lil ħutna Maltin ħalli aħna l-Insara nagħtuhom dak li tant jeħtieġu, l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu, għax qajla jistgħu jirċevuha mingħand ħaddieħor.