Il-Ħaruf t’Alla


Ġwanni introduċa lil Ġesù bħala "l-Ħaruf t'Alla." Nistgħu nittraċċaw it-tifsira ta' dan it-titlu mill-ktieb tal-Ġenesi sal-aħħar ktieb tal-Iskrittura, ir-Rivelazzjoni.

Alla qal lil Abraham biex joffri ’l ibnu bħala sagrifiċċju. Waqt li kienu sejrin lejn il-post, Iżakk staqsa lil missieru għaliex ma kienux ħadu ħaruf magħhom. Abraham wieġbu, ‘Ibni, Alla jaħseb hu għall-ħaruf għall-offerta maħruqa’ (Ġenesis 22:7-8).

Aktar tard fl-istorja tal-Lhud, lejlet il-fidwa mill-Eġittu, Alla qalilhom biex jagħżlu ħaruf bla difett, joqtuh, u jċappsu b’demmu il-ġnub u l-blata tal-bieb tad-djar tagħhom. Dak il-lejl l-anġlu tal-qerda għadda mill-art tal-Eġittu. Fejn ra id-demm, il-qerried baqa’ għaddej u ma għamlilhom ebda ħsara. Il-Lhud baqgħu ta’ kull sena joqtlu l-ħaruf tal-Għid b’tifkira. (Esodu 12:1-28).

Mhux biss, ta’ kuljum matul is-sena kollha, il-qassisin Lhud kienu joffru ħaruf filgħodu u ieħor filgħaxija (Esodu 29:39). Dawn il-ħrief maqtula kienu sinjal ta’ Ħaruf ieħor li Alla kellu jibgħat. Il-profeta Isaija ħabbar li l-Messija kellu jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju għad-dnub, u li ‘kien maħqur, u kien umiljat, u fommu ma fetħux, bħal ħaruf meħud għall-qatla’ (Isaija 53:7).

Sa fl-aħħar wasal l-jum mistenni; Alla bagħat il-Messija bħalma kien wiegħed. Ġwanni introduċih lill-poplu: ‘Araw il-Ħaruf t’Alla, dan hu li jneħħi d-dnub tad-dinja’ (Ġwanni 1:29).

Ġesù kien offrut b’saġrifiċċju fuq is-salib sabiex demmu jipproteġi mill-għadab u l-qerda lil dawk kollha li jistkennu fih. L-appostlu Pawlu jgħid, ‘Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul’ (1 Korintin 5:7). L-appostlu Pietru jfakkar li l-Insara huma mifdija ‘bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, bħala ħaruf bla għajb u bla tebgħa’ (1 Pietru 1:19).

Dawk kollha li minn qalbhom jafdaw fil-Mulej Ġesù Kristu jistgħu jgħidu, ‘Ħtijietna m’għadhomx aktar fuq spallejna; aħna mifdija, aħna meħlusin, għax Ġesù, il-Ħaruf t’Alla, neħħa dnubietna u sammarhom mas-salib.’ Minn kull ġens u nazzjon, l-Insara huma xhieda li Ġesù tassew ineħħi d-dnub tad-dinja.

L-istorja tintemm fil-Ġenna b’tifħir li ma jintemmx lill-Feddej, ‘Jistħoqqlu l-Ħaruf li nqatel biex jieħu s-setgħa, u l-għana, u l-għerf, u l-qawwa, u l-ġieħ, u l-glorja u l-barka’ (Revelation 5:12). Ammen!