23.3.18

Sejf Jinfidlek Ruħek


Taħt is-salib. Tara lil binha jsofri. Inġustizzja. Insulti. Tbatija. Mewt.

Nimmaġina li Marija ftakret il-kelma tax-xwejjaħ Xmun fit-Tempju. "Sejf jinfidlek ruħek!" L-omm li weldet u rabbiet lil Ġesù, kellha tarah f’agunija sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.

Marija kienet taf li Ġesù kien bla ħtija. Kienet taf li hu l-Iben t’Alla, kif qalilha l-anġlu. Semgħetu lil Xmun jfaħħar ’l Alla għat-tarbija tagħha, “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” Kienet taf li hu s-Salvatur tad-dinja. Imma kif? Jista' b'mewtu jsalva l-bniedem?

Ġesù seta’ jeħles mill-għedewwa; għażel li jerħi ruħu f’idejhom. Ġesù ma kellux għalfejn ibati, wisq anqas imut; għażel li jħaddan is-salib!

Għax għalhekk ġie fid-dinja. Għax dik kienet ir-rieda tal-Missier. Il-Ġust ġie biex imut għall-inġusti, biex iressaqhom għand Alla. "Hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa' l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna" (Isaija 53:5).

Marija hi hienja llum. Hekk tridna niftakruha. “Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja.” Għax il-grieħi ta’ Binha fejjqu lilha u lil kull min jafda fih. Bil-mewt tiegħu, Kristu kisbilha l-ħajja ta’ dejjem, lilha u lil dawk kollha li jħobbuh.